L-għada li l-Kumitati Parlamentari għall-Konsiderazzjonijiet tal-Liġijiet approva l-liġi l-ġdida dwar il-media u l-malafama, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici sostna li l-emenda tal-Oppożizzjoni dwar passi legali li jistgħu jittieħdu kontra ġurnalisti Maltin fi qrati barranin magħrufa bħala Slapp, tikser il-liġijiet Ewropej.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja ppreżenta erba’ pariri indipendenti li lkoll sostnew li dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni ma tistax issir skont ir-regoli Ewropej.
Spjega li l-Gvern ma qabadx u rema l-proposti tal-Oppożizzjoni u ħa pariri legali minn kumpaniji lokali u internazzjonali fejn kollha qablu li din l-emenda m’hi se tibdel xejn minn dak li hemm bħalissa.
Il-Ministru Bonnici qal li l-liġi l-ġdida li fiha tmintax-il bidla se ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-ġurnalisti f’pajjiżna waqt li ssaħħilhom aktar id-drittijiet tagħhom.
Spjega kif din hija liġi progressiva u miftuħa li se tkun qed tagħti aktar drittijiet ġurnalistiċi ġodda. Sostna kif dan huwa avvanz kbir fuq dak li għal snin twal, kien tħalla statiku.
Il-Ministru Bonnici spjega, kif sa mill-ewwel snin tiegħu dan il-Gvern ħadem qatigħ dwar is-suġġett tal-libertà tal-espressjoni. Semma wkoll ir-riforma li kienet saret fil-liġi taċ-ċensura.
U dan se jkun it-tieni pass għall-aktar liberta ta’ espressjoni ġurnalistika li tfisser demokrazija aktar b’saħħitha tfisser rule of law aktar b’saħħitha għaliex il-libertà tal-espressjoni qegħdin nipproteġuha u ntejbuha bil-fatti
Fost il-bidliet ewlenin, it-tneħħija tal-libell kriminali li issa se jsir parti mill-istorja legali ta’ pajjiżna.
Kull libell kriminali pendenti li bħalissa jinsab quddiem il-qrati se jispiċċa ladarba tgħaddi il-liġi mill-Parlament.
It-tneħħija tal-libell kriminali u allula kull kawża ta’ libell pendenti se taqa’ hekk kif tidħol fis-seħħ din il-liġi u kif ukoll it-tneħħija ta’ ħafna reati kriminali li kellhom l-għan illi jillimitaw il-libertà tal-espressjoni
Il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll li b’dawn il-bildiet mhux se jkun possibbli li jinfetħu aktar minn libell wieħed fuq stejjer li jixxiebhu.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista nnota kif minkejja li l-Oppożizzoni ma ġabet u ma ppubblikat ebda parir legali dwar l-islapp, l-ewroparlamentari nazzjoanlista David Casa kompla bl-attakki kontra Malta mal-kummissjoni Ewropea.
Qal li bl-istqarrija tiegħu, Casa kkonferma l-opinjoni li għandu l-Gvern mill-esperti legali li pajjiż waħdu diffiċli jaġixxi sakemm ma jkunx hemm pożizzjoni komuni Ewropea.