Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta), permezz ta’ proġett ġdid li jismu Renal Unit Support Health Hub (R.U.S.H.), u b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Psikologi ta’ Malta se tibda toffri appoġġ psikoloġiku lill-pazjenti attwali li jbatu minn problemi fil-kliewi LifeCycle ser tintroduċi skema ta’ vawċers li permezz tagħha l-pazjent ikun jista’ jibda jikseb terapija mingħand psikoloġiku bla ħlas.
Dan l-appoġġ psikoloġiku se jkun il-proġett ewlieni ta’ LifeCycle għall-2019. Hu fatt magħruf li l-pazjenti tal-kliewi li jeħtieġu d-dijalisi jew inkella għaddejjin minn proċeduri ta’ trapjant isofru minn effetti psikoloġiċi serji u li spiss ikunu injorati. Din il-marda kumplessa iġġib magħha ħafna sfidi, u l-Fondazzjoni LifeCycle se tkun qed tassisti biex jingħelbu dawn l-isfidi permezz ta’ R.U.S.H.
Il-fundatur ta’ LifeCycle Alan Curry qal: “Għalkemm il-pazjenti tal-kliewi jirċievu għajnuna medika mill-isptarijiet u kliniċi rispettivi, dawn il-pazjenti jeħtieġu ukoll għajnuna kontinwa minn psikologi, dijetiċi, nutrizzjonisti, trainers u konsulenti fl-affarijiet tal-familja. Bħala LifeCycle, nemmnu bis-sħiħ li jeħtieġ li jkun stabbilit bażi ta’ appoġġ sinifikanti b’kollaborazzjoni ma’ tim mediku sabiex dan isir b’mod sostenibbli u fit-tul. In-numru ta’ pazjenti tal-kliewi f’Malta, li dejjem qed jiżdied, u l-familji tagħhom, se jaraw u jħossu titjib fil-kwalità tal-ħajjithom minkejja d-diffikultajiet li jkunu qed jiffaċċjaw.”
Għal dawn l-aħħar 19-il sena, il-Fondazzjoni LifeCycle iffokat l-iktar fuq li tassisti b’mod tanġibbli lill-pazjenti tal-kliewi f’Malta. Il-mard fil-kliewi hu fatali, joħloq ħafna tbatija u uġieħ, u meta wieħed iqis li l-prevalenza tal-mard tad-dijabete, il-pressjoni għolja u l-obeżità qegħda dejjem tiżdied, aktar persuni jistgħu jkunu f’riskju akbar ta’ problemi tal-kliewi fil-futur.
Iċ-Chairperson ta’ LifeCycle Dr Shirley Cefai qalet: “Permezz ta’ R.U.S.H, l-għan tagħna hu li nkunu nistgħu joffru netwerk ta’ appoġġ komprensiv għal pazjenti li jbatu tal-kliewi. Apparti mill-appoġġ psikoloġiku, il-programm jinkludi għarfien dwar il-mard u n-nutrizzjoni, lectures speċjalizzati, attivitajiet ta’ eżerċizzju fiżiku u mixi, kif ukoll attivitajiet immirati lejn dawk il-fatturi li jikkawżaw il-mard tal-kliewi, u li jistgħu jkunu evitati billi wieħed jaddotta stil ta’ ħajja b’saħħitha. Matul is-snin li ġejjin ser nintegraw dan il kunċett f’sistema ta’ appoġġ b’mod olistiku għall-pazjenti tal-kliewi, sistema unika li, bħala organizzazzjoni volontarja b’riżorsi limitati, ilha f’ħsiebna għal numru ta’ snin.”
Mill-1999 lil hawn, il-Fondazzjoni LifeCycle iffokat b’mod konsistenti fuq it-tkattir tal-għarfien dwar il-mard tal-kliewi u favur ġbir ta’ fondi għall-pazjenti stess. Il-fondi miġbura mill-LifeCycle Challenge annwali jmorru lejn tagħmir essenzjali li jsalva l-ħajja u l-faċilitajiet imtejba, bħal magni tad-dijalisi, l-isponsorjar ta’ Twilight Shift Van, programm ta’ tqabbil tas-softwer imsejjaħ “Traccia”, il-vjaġġ annwali għal Lourdes għal pazjenti u persunal mediku li jakkumpanjahom, kif ukoll għal riċerka dwar il-mard tal-kliewi fl-Università ta’ Malta.