Id-donazzjonijiet minn LifeCycle Challenge 2019 qed jiffinanzjaw l-ispejjeż annwali tas-sena kurrenti għall-programm ta’ database li jismu Traccia, fit-Taqsima tal-Kliewi, fl-Isptar Mater Dei.
Din hi t-tielet sena konsekuttiva li LifeCycle qed tiffinanzja lid-database u lill-programm tal-immaniġġjar tal-lista ta’ stennija ta’ pazjenti li huma active għat-trapjant tal-kliewi. Il-programm Traccia hu bbażat fuq algoritmu b’tagħrif ta’ diversi rekwiżiti u ta’ spiss ikun dejjem aktar aġġornat. Kampjuni tad-demm jittieħdu perjodikament mingħand pazjenti, li jkunu ‘attivi’ fuq il-lista ta’ stennija għall-kliewi u flimkien ma’ data importanti oħra, jsir l-aqwa taqbil bejn il-pazjent u l-kilwa li tkun se tingħata.
“Dan hu avvanz fil-qasam tat-trapjant tal-organi f’Malta. Sa ftit snin ilu, l-immaniġġjar tal-lista ta’ stennija kien ikun ibbażat skont kemm il-pazjent ikun ilu jistenna. Issa li d-dinamika kollha qed tkun ikkunsidrata flimkien mal-human tissue typing, Traccia tipprovdi l-aħjar qbil possibbli, irrilevanti miż-żmien ta’ stennija biss,” qal il-Prof Emanuel Farrugia, Konsulent u Kap tat-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei.
“L-isfida ta’ LifeCycle Challenge tiddependi mill-appoġġ tal-għotjiet ġenerużi mingħand individwi, negozji u l-isponsor tat-titlu tagħna Nescafé 3in1. Aħna niffinanzjaw l-ispejjeż operattivi ta’ dan il-programm ta’ softwer, u għalhekk hu ta’ sodisfazzjon għalina li numru ta’ pazjenti rċevew trapjant tal-kliewi wara li l-kompożizzjoni tad-demm tagħhom tkun instabet li hi kompatibbli mal-organu li jkun se jingħata,” qal il-Fundatur ta’ LifeCycle Alan Curry.