Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi kien preżenti għat-tnedija ta’ proġett edukattiv li qed isir fl-iskola primarja tal-Isla fejn l-istudenti qed jiġu involuti b’mod dirett fil-proġett biex l-ilma tax-xita jiġi kkonservat fil-ġwiebi li hawn fl-iskola biex imbagħad jintuża mill-iskola għal skopijiet varji.
“Dan il-proġett ma jinvolvix biss xogħol strutturali, imma l-importanza tiegħu hija primarjament li l-istudenti tal-iskola qegħdin jitgħallmu fuq kif jistgħu jikkonservaw l-ilma fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Ilkoll nafu kemm it-tfal jitgħallmu malajr u kemm it-tfal jistgħu jkunu influwenza pożittiva fuq il-familja tagħhom biex prattiċi ta’ konservazzjoni tal-ilma jidħlu wkoll fid-djar tagħna,” qal il-Ministru Mizzi.
Dan kollu qed isir possibbli permezz tal-Proġett LIFE RBMP Malta, li hu proġett ko-finanzjat mill-Programm LIFE tal-Unjoni Ewropea, fejn numru ta’ skejjel qed ikollhom l-opportunità li jagħmlu proġetti simili, bl-għan aħħari jkun li t-tfal tagħna jkomplu jitgħallmu dwar l-importanza li nikkonservaw l-ilma.
Bħall-iskola tal-Isla, din is-sena kien hemm numru ta’ skejjel oħra li wkoll applikaw għal proġetti simili u ħadu inizjattiva biex jikkonservaw l-ilma tax-xita fi ġwiebi jew bjar. Hija inizjattiva li qiegħda tiġġenera ħafna interess mill-iskejjel u għalhekk permezz tal-proġett LIFE RBMP Malta, proġetti simili qegħdin jiġu finanzjati sena wara l-oħra.
Il-proġett LIFE RBMP Malta huwa mmexxi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, u qed jitwettaq bis-sehem sħiħ ta’ entitajiet oħra, fosthom il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fejn bħala parti minn dan il-proġett ipprovdew l-assistenza teknika tagħhom biex ikunu installati l-pompi u s-sistema ta’ pipes neċessarji għall-użu tal ilma.