Erbgħa u sittin partita.
Tnejn u tletin pajjiż.
Erba’ ġimgħat ta’ logħob kontinwu.
Din hija tnejn u għoxrin-il edizzjoni tat-tazza ta’ Dinja, li din is-sena se tkun qed isir ġewwa l-Qatar.
Edizzjoni kemmxejn speċjali u anke kontroversjali għaliex se tkun qed tintlagħab matul ix-xhur tax-xitwa, u l-ewwel waħda li se ssir fil-Lvant Nofsani u f’pajjiż Musulman.
L-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-iktar waħda li qatt swiet flus, fejn huwa stmat li ntefqu mal-$200 biljun f’Infrastruttura għal din il-kompetizzjoni.
Kif għidna, din l-edizzjoni mhijiex ‘il bogħod mill-kontroversja hekk kif minn sa meta l-Qatar rebħet id-dritt li tospita dan it-turnew tant importanti, mal-ewwel kien hemm diversi persuni li akkużaw lill-FIFA bi tixħim tal-flus.
L-64 partita tat-Tazza tad-Dinja se jintlagħbu fi tmien stadiums, seba’ minnhom ġodda fjamanti.
L-ikbar wieħed minnhom huwa il-Lusail Stadium, ‘il barra mill-kapitali Doha, li għadu kemm ġie komplut din is-sena u se jospita wkoll il-finali.
Dan il-gound jesa 80,000 spettatur.
L-istadiums huma kollha attrezzati bl-arja kkundizzjonata, sabiex it-temperatura fl-istadium tkun differenti minn dik ta’ barra.
Il-ħinijiet tal-kick-offs se jkunu l-11 ta’ filgħodu, is-2, il-5, u t-8 għal-logħob tal-gruppi, u l-4 u t-8 ta’ filgħaxija għall-fażi tan-knockout.
Fil-mument, il-Brażil u l-Arġentina huma l-aktar tnejn favoriti li jistgħu jirbħu din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Wieħed ma jistax iħalli barra liċ-champions renjanti Franza, lill-Ġermanja, lill-Belġju u lill-Ingilterra.
L-ewwel edizzjoni ta’ tazza tad-dinja sarret fl-1930 fl-Urugwaj, filwaqt li l-unika żewġ edizzjonijiet li ma sarux kienu fl-1942 u l-1946, minħabba t-tieni gwerra Dinjija.
L-attakant Brażiljan Pele huwa l-iktar plejer li rebaħ dan il-tornew, filwaqt li Miroslav Klose huwa l-iktar plejer li skurja f’logħob waqt tazza ta’ Dinja.
Mill-banda l-oħra, il-player Franċiż Fontaine huwa l-iktar player li skurja gowls f’edizzjoni waħda.
L-iktar pajjiż li rebaħ dan it-titlu prestiġġjuż huwa l-Brażil li rebaħ dan it-titlu 5 darbiet, fl-1958,1962,1970,1994 u 2002.
Minbarra hekk, il-Brazil huwa wkoll l-unika pajjiż li kkwalifika għal kull edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Il-Ġermanja u l-Italja huma żewġ pajjiżi li rebħu dan il-kampjonat 4 darbiet, filwaqt li Franza, l-Urugwaj u l-Arġentina rebħuħ 2 darbiet.
L-Ingilterra u Spanja rebħu dan il-kampjonat darba biss.
Nistennew bil-ħerqa biex naraw xahar sabiħ ta’ logħob, u naraw liema pajjiż se ikun qiegħed jgħolli din it-tazza tant prezzjuza.