Il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks għadhom kif laħqu ftehim ma’ LIDL biex jistabilixxu f’pajjiżna International Regional Distribution Center.
Ħabbar dan il-Ministru Chris Cardona waqt laqgħa oħra mis-sensiela Gvern Li Jisma’.
Huwa tkellem dwar il-benefiċċji ta’ dan iċ-Ċentru, li mhumhiex limitati għall-impjiegi ġodda li se jinħolqu biss – li b’kollox jamontaw għal aktar minn 120, imma wkoll għall-effett fuq l-esportazzjoni – fejn mistenni li fi żmien tliet snin, il-kumpanija LIDL iżżid l-ispiża tal-amont ta’ prodotti manifatturati lokalment minn tliet miljuni għal €22 miljun.
Dan huwa biss eżempju wieħed tal-potenzjal kbir li għandu pajjiżna fis-settur tal-loġistika, li fi kliem il-Ministru Caardona jawgura tajjeb biex aktar kumpaniji ta’ reputazzjoni internazzjonali, bħalma wara kollox hi LIDL, jistabilixxu operat simili f’pajjiżna.
L-istess laqgħa kienet indirizzata mill-Ministru Manuel Mallia, li bit-tema ta’ “Ħolqien t’Ekonomiji Ġodda” fl-isfond, spjega kif dan il-miraklu ekonomiku m’huwhiex xi ħaġa kumbinazzjoni.
Fisser kif f’dawn l-erba’ snin, rajna baġit wara l-ieħor, ppjanar u tfassal biex illum nistgħu ngawdu minn dan il-ġid.
Irrefera għall-ftehim milħuq aktar kmieni llum bejn Malta Marittima u l-Università ta’ Malta, fejn il-Gvern ikkontribwixxa €100,000 biex iż-żgħażagħ iressqu ’l quddiem l-ideat innovattivi tagħhom li jistgħu jissarfu f’kummerċ, f’settur li kull ma jmur qed jikber.
Iddeskriva wkoll bħala unur il-fatt li waqt li pajjiżna qiegħed fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, se ngħalqu kapitlu ferm importanti li jagħti aktar saħħa lill-kunċett ta’ digital single market.
Mill-15 ta’ Ġunju li ġej se jiġu aboliti r-roaming charges. Dan ifisser li individwu Ewropew se jħallas għas-servizzi tal-mowbajl f’kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea, l-istess prezz li jħallas f’pajjiżu.