Ġew illiċenzjati l-ewwel 34 aġenzija tax-xogħol, jew kif inhuma magħrufin bħala temping agencies, biex b’hekk ikunu regolarizzati u konformi mal-liġijiet il-ġodda, li daħlu fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena u li se jibdew jiġu inforzati mill-bidu tax-xahar id-dieħel.
Dawn il-liċenzji ngħataw waqt ċerimonja, li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, fejn sostna li dan hu mument storiku għas-settur tax-xogħol f’pajjiżna.
Ellul spjega li dawn l-aġenziji tax-xogħol jaħdmu f’setturi varji, fost l-oħrajn, bħala uffiċjali tas-sigurtà, fil-qasam tas-saħħa, fl-amministrattiv u f’oqsma speċjalizzati fil-qasam tal-ospitalità.
Ġie spjegat li, biex ingħataw dawn il-liċenzji, l-aġenziji kellhom jissodisfaw numru ta’ kriterji u allura għandhom ċerti standards professjonali, li jridu jżommu magħhom. Intqal kif, fil-jiem li ġejjin, se jingħataw aktar liċenzji lil aġenziji oħrajn b’konformità mal-liġijiet il-ġodda.
“Għall-ewwel darba, l-awtoritajiet f’pajjiżna se jkollhom viżibilità issa mhux biss fuq l-operaturi fis-suq, imma kemm iġibu ħaddiema barranin, kemm jimpjegaw ħaddiema Maltin u Għawdxin u f’liema settur jimpjegawhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul
Is-Segretarju Parlamentari sostna dwar il-kwalità tal-ħaddiema barranin, li jiġu jaħdmu f’pajjiżna, f’setturi li verament hemm bżonnhom.
“Din il-viżibilità ħa ġġorr magħha monitoraġġ u kontroll fuq il-ħaddiema barranin, li jiġu f’pajjiżna, biex nassiguraw li jiġu f’dawk il-postijiet biss li veru hemm bżonnhom u jiġu bil-ħiliet neċessarji biex, imbagħad, inkomplu mmexxu ’l quddiem id-direzzjoni politika tal-Gvern li mmorru għall-kwalità.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul