Huma bosta dawk li qed jagħżlu li minflok jużaw il-pass biex jivvjaġġaw distanzi qosra, qed jirkbu fuq l-e-kick scooter u jħallu lilu jwassalhom mingħajr taħbit.
Madankollu qajla huma dawk li jafu li marbut mas-sewqan ta’ dan l-iscooter żgħir pajjiżna għandu leġiżlazzjoni sħiħa ta’ regolamenti.
Tkellimna mal-uffiċjal ta’ Transport Malta Pierre Montebello li spjega kif biex wieħed isuq dan it-tip ta’ scooter irid ikun aċċertat li s-sewwieq jaf ir-regoli tas-sewqan.
Qal, “Biex wieħed juża e-kick scooter irid ikollu l-liċenzja jew tal-karozza jew mutur, l-A jew il-B jew dik li tissejjaħ l-AM license. L-AM license tista’ wieħed jagħmilha meta jkollu sittax-il sena u jrid jagħmel ukoll test tat-teorija.”
Huwa spjega wkoll kif kull scooter irid ikun irreġistrat ma’ Transport Malta, bl-ebda mutur irreġistrat ma jista’ jkun jaqbeż il-veloċità ta’ għoxrin kilometru fis-siegħa.
Qal, “Aħna meta nirreġistrawh intuħ ukoll l-ekwivalenti tan-number plate li teħel mal-parti vertikali tal-handle u trid tkun ukoll insurejat.”
Montebello spjega kif filwaqt li huwa permissibli skont il-liġi, li wieħed jipparkja l-iscooter tiegħu fuq il-bankina, dan irid isir mingħajr ma jinħoloq ostaklu.
Spjega, “Parking jista’ jsir anke fuq bankini pereżempju imma ma jistax isir b’tali mod li qed itellef lil min qed juża l-bankini. Parking jista’ jsir ukoll fit-triq b’mod perpendicular mal-bankina. Ovvjament ma nistgħux nieħdu spazju ta’ parkeġġ ta’ vetturi oħrajn bħal karozzi jew muturi.”