Minn dan ix-xahar, għall-ewwel darba studenti li qegħdin jaspiraw li jsiru gwidi turistiċi għandhom l-opportunità li jiksbu liċenzja ta’ apperentistat.
Dan permezz ta’ introduzzjoni ta’ liċenzja ta’ apprendistat li permezz tagħha studenti gwidi se jkunu jistgħu jipprattikaw ix-xogħol ta’ gwida, waqt l-istudji tagħhom.
L-uffiċjal fil-Ministeru għat-Turiżmu Andre Zammit, li ħadem bi sħiħ sabiex dan iseħħ qal magħna, li qabel dan, studenti setgħu biss jipprattikaw ta’ gwidi wara li jlestu l-kors li jkunu qed isegwu.
Dan hekk kif ikunu ġabu l-liċenzja meħtieġa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Is-Sur Zammit qal: “Ma kellhomx opportunità biex jagħmlu l-esperjenza hands on u l-industrial placement kienu qed jagħmlu ġo tour operators, jagħmlu xogħol klerikali bażikament. Allura din il-liġi issa ħa tippermetti illi studenti li huma qed isegwu l-kors tal-gwidi turistiċi billi jagħmlu hands on experience ta’ dak li verament qegħdin jistudjaw.”
L-istudenti se jkunu jistgħu jagħmlu dan l-apprentistat wara sitt xhur mill-bidu tal-kors li jsegwu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi jew wara li jakkwistaw minimu ta’ sittin punt fil-kors.
Dan biex fis-sajf u fit-tieni sena ta’ dan il-kors li jkunu qed isegwu, ikunu jistgħu jieħdu l-esperjenza mingħajr il-ħtieġa ta’ gwidi professjonali.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet kif din il-bidla hija strument biex iż-żgħażagħ ikomplu jiġu inċentivati lejn karriera fl-industrija tat-turiżmu.