Is-sentenza ta’ Matthew Barbara ta’ 26 sena nbidlet mill-Qorti tal-Appell. Ir-raġel kien instab ħati li ikkaġuna l-mewt ta’ mara f’ħabta fin-Naxxar. Il-Qorti kienet issospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur, iżda il-Qorti tal-Appell biddlet is-sentenza għal tliet snin.
Iż-żagħżugħ kien qed isuq vann Mitsubishi fi Triq John Houel fin-Naxxar fid-9 ta’ Lulju 2010 meta ħabat ma’ karozza Toyota Starlet li kienet misjuqa minn Rosianne Azzopardi.
Hija tilfet ħajjitha f’dan l-inċident iżda b’xorta tajba, t-tarbija li kellha magħha fil-karozza ma ġralha xejn. Il-Qorti ordnat lil Barbara biex iħallas il-multa ta’ €80 u jagħmel 350 siegħa xogħol fil-komunità filwaqt li kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tliet xhur.
Liema sentenza, l-Avukat Ġenerali appella għaliex qal li s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur hija l-minimu impost mil-liġi u għalhekk ma kinitx tirrifletti l-gravità tal-każ.
L-Imħallef qalet li l-piena f’każijiet bħal dawn għandha tkun iebsa u għalhekk it-talba tal-Avukat Ġenerali ntlaqgħet mill-Qorti tal-Appell.