Christian McKay, żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ, ġie ordnat mill-Qorti biex jingħata trattament biex jikkontrolla r-rabja, filwaqt li tpoġġa fuq probation.
Dan wara li r-rabja waslitu biex ħabat bil-karozza apposta meta kien qed isuq u kien hemm l-eks tfajla tiegħu miegħu bħala passiġġier.
Kien akkużat ukoll f’inċident separat, meta allegatament kien involut f’argument m’eks tfajla oħra u sawwatha.
Fuq suġġerimenti t’esperti fil-qasam soċjali, l-akkużat ġie ordnat għal trattament għal perjodu ta’ tliet snin.
Apparti minn hekk, il-liċenzja tas-sewqan tal-akkużat ġiet miżmuma għas-sitt xhur li ġejjin.