Waqt open day fil-bini tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Ħal Luqa, il-Ministru Joe Mizzi kien preżenti għat-tnedija tal-libsa l-ġdida li se tingħata lil din il-korporazzjoni, liema libsa tinkludi wkoll sit elettroniku ġdid u dehra friska li tirrifletti x-xogħol tal-korporazzjoni fil-qasam tal-ilma f’pajjiżna.
Il-Ministru qal li dan it-tibdil mhux superfiċjali. “M’aħniex sempliċiment inbiddlu l-logo tal-korporazzjoni imma qed ninfetħu aktar għall-pubbliku”. Il-libsa l-ġdida tal-korporazzjoni tirrifletti s-sbuħija tar-riżorsa tal-ilma u l-importanza tal-ilma fil-ħajja ta’ kuljum. Il-korporazzjoni se toffri servizz aqwa intenzjonat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Ftit ġimgħat ilu tħabbar l-ikbar investiment li qatt se jkun sar f’pajjiżna fil-qasam tal-ilma u li se jiżgura li l-ilma tal-pjan ikun immaniġġjat bl-iktar mod sostenibbli u li din ir-riżorsa tissaħħaħ għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Gvern qed jaħdem bi pjan ħolistiku li se jiżgura s-sostennibbiltà ta’ dan il-qasam kruċjali, qal il-Ministru Joe Mizzi filwaqt li ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi spjegat proġett, proġett u kif dawn se jtejbu l-ħajja ta’ kuljum.
“Din hi d-direzzjoni li jien, bħala l-ministru responsabbli, qed nagħti u li bi pjaċir kbir qed nara li qed tissarraf f’realtà għall-ġid tal-pajjiż – pajjiż li se jibbenefika minn korporazzjoni aktar b’saħħitha biex nibqgħu nsostnu ekonomija li dejjem qed tikber”, ikkonkluda l-Ministru Joe Mizzi.