Aktar minn 200 tifel u tifla li jgħixu fi tmintax -il dar residenzjali tat-tfal f’pajjiżna ser ikunu qed igawdu minn librerija tal-kotba.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni flimkien mal-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fejn fiha tnediet l-inizjattiva ‘Il-kotba huma l-ikbar ħbieb tiegħek.’
“Issa qegħdin ngħidu li b’din l-iskema l-ġdida, il-kotba huma l-aqwa ħbieb tagħna, ħa nkunu qegħdin ngħammru librerija, għażla ta’ kotba f’kull dar residenzjali.”
Id-Direttur ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera Fr Louis Mallia tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva li ser tgħin ittejjeb il-qari għat-tfal fid-djar residenzjali madwar il-pajjiż.
“Grazzi ferm għaliex din hija opportunità oħra li dawn it-tfal iħarsu l-quddiem b’dan is-sens sabih tal-ħajja u l-qari huwa parti sabiħa mill-ħajja.”
Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega li l-kotba bil-Malti u l-Ingliż li ntgħażlu huma addattati għat-tfal li jinsabu f’dawn id-djar.
“Il-kotba li jagħti, aħna se nagħtu bejn wieħed u ieħor 5 kotba għal kull tifel jew tifla. Jiġifieri l-medja dik hi kull tifel u tifla ser jirċievu ħames kotba, ikunu kotba li jolqtu l-gosti tagħhom. Jiġifieri dan mhux sempliċiment tagħti ktieb imma jkun hemm xogħol qabel sabiex nassiguraw li l-kotba jkunu skond il-gosti ta’ dawn it-tfal li ser jaqrawhom.”
Il-Ministru Michael Falzon tenna l-importanza ta’ din l-iskema li ser tkompli tgħin fil-qasam tal-litteriżmu f’pajjiżna.
“Fid-dinja b’mod jew ieħor tista’ titlef kollox minbarra dak li tkun tgħallimt u ovjament l-ikbar sigriet li wieħed jista’ jitgħallem huwa dejjem il-litteriżmu u l-qari għaliex jekk inti m’intiex kapaċi taqra kif tista’ tistudja suġġetti oħrajn huma x’inhuma.”