Il-Baġit 2025, bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, se jkompli jara investiment sostenibbli u progressiv fis-settur tal-edukazzjoni, hekk kif din hi l-pedament ta’ soċjetà ġusta.
F’dan il-qasam, se tiżdied il-ħidma biex tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030, bil-għan li tiġi ttrasformata s-sistema edukattiva.
Se jkompli wkoll jiġi affermat l-investiment fl-edukaturi, mhux biss permezz tat-tiġdid tal-akbar ftehim settorjali fl-istorja, iżda wkoll permezz ta’ mekkaniżmu aktar b’saħħtu.
Dan hekk kif l-edukaturi se jkunu direttament involuti fiċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-politika, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ prekonsultazzjoni bħala rekwiżit għall-iżvilupp tal-politika. Dan filwaqt li se jitwaqqaf il-Forum għall-Għarfien dwar l-Edukazzjoni f’Malta, bil-għan li jtejjeb is-sinerġija bejn is-settur tal-edukazzjoni, entitajiet esterni u governattivi, kif ukoll l-industrija.
Se jiżdied ukoll l-ammont li ġenituri li jibgħatu t-tfal tagħhom fi skejjel indipendenti jistgħu jnaqqsu għal finijiet ta’ taxxa. B’hekk l-ammont għal min għandu tfal fil-Kindergarten se jitla’ għal €3,500, fil-Primarja se jitla’ għal €4,600 u fi skola Sekondarja jitla’ għal €6,500.
Dan filwaqt li l-Gvern hu kommess li jkompli jimmodernizza u jwettaq manutenzjoni fuq aktar minn 100 skola, permezz tal-Programm tal-Infrastruttura Edukattiva, li jkopri perjodu ta’ 13-il sena. Din l-inizjattiva se tiffinanzja tmin proġetti fis-sena, b’dawn kollha se jsiru bi prinċipju ta’ sostenibbiltà.
Dan fid-dawl tal-investiment li qed isir fl-iskejjel t’Għawdex, fejn inbnew skejjel ġodda, fosthom fir-Rabat Għawdex, u nbena ċentru għall-ħarsien tat-tfal, faċilitajiet ta’ rikreazzjoni u sportivi, b’investiment li jiżboq it-€18 miljun, fil-kampus edukattiv fir-Rabat, Għawdex.
Dawk it-tfal, li l-familji tagħhom jaqgħu taħt Skema 9, li jammontaw għal madwar 2,500, se jingħataw librerija fid-dar tagħhom b’valur ta’ €150.
Se jkunu qed jingħataw ukoll €20 lil kull student fl-iskejjel Primarji, Medji u Sekondarji, biex jintefqu fil-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb.