Għal din is-sena, fl-hekk imsejjaħ ġnien sigriet fil-Palazz ta’ San Anton, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, il-President Marie Louise Coleiro Preca nediet il-‘Little Stars Library’ fil-ġonna tal-Palazz ta’ San Anton, librerija ċkejkna li minnha tfal li jżuru l-ġnien jistgħu jieħdu ktieb magħhom id-dar mingħajr ħlas. Dan jippromwovi wkoll il-qari fil-ġnien stess bħala mezz biex it-tfal jistrieħu, jitgħallmu u fl-istess ħin ikollhom ftit ħin f’post seren.
L-attività tat-tnedija rat il-partecipazzjoni tat-tfal mill-Iskola Primarja ta’ Ħal Qormi, li hekk kif inftetħet il-‘gwardarobba ta’ kotba’ għall-ewwel darba lkoll deheru entuzjasti biex jagħżlu liem ktieb ser jieħdu magħhom.
It-tfal kellhom ukoll iċ-ċans li jiltaqgħu ma awturi stabbiliti li tkellmu fuq l-istampar tal-kotba u l-importanza tal-kreattività sa minn età żgħira.
It-tfal kienu mitluba mill-Fondazzjoni biex għall-okkażjoni, jippreparaw stejjer personali qosra dwar affarijiet li jagħmluhom kuntenti.
Quddiem l-awturi u l-President, it-tfal qalu l-istejjer tagħhom u semmew fost oħrajn li jsibu wens kbir fl-ambjent tal-madwar,f’familthom, fl-annimali u saħansitra anke fl-iskola u fil-ħbieb. Dawn l-istejjer qosra ser jinġabru u jiġu ppubblikati fi ktieb imsejjaħ ‘The Book of Well Being’ li fiz-żmien li ġej ser tniedi l-Fondazzjoni.
L-istess librerija li gawdew it-tfal minnha t-Tnejn ser tibda tkun fil-ġnien tal-Palazz biex igawdu minnha tfal oħra li jżuru l-post mal-ġenitur tagħhom. Il-Kotba li jkun hemm fil-librerija huma kollha donazzjonijiet mill-pubbliku.