Libjan ta’ 29 sena inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal sensiela ta’ serqiet fil-Belt Valletta u f’Ħal Qormi.
Huwa tressaq il-Qorti l-Erbgħa waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Doreen Clark.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Gabriel Micallef, Mark Cremona u Clayton Camilleri spjegat kif kollox beda f’Marzu ta’ din is-sena meta bdew iseħħu sensiela ta’ serqiet fil-Belt u li mbagħad komplew f’Ħal Qormi.
Fil-fatt, wara investigazzjonijiet fosthom minn filmati tas-sigurtà li nġabru, il-Pulizija għarfet lill-imputat bħala Ramadan Rashid Aljabo. Intqal ukoll kif l-imputat kellu każijiet oħra passati u li nstab ħati għalihom.
B’rabta ma’ dan il-każ il-Prosekuzzjoni sostniet li ijnħareġ mandat ta’ arrest għal Aljabo, madankollu, peress li ma kellux residenza fissa, ma setax jiġi intraċċat. L-imputat baqa’ għaddej bis-serq f’Ħal Qormi.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li anke permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-Pulizija mid-Distretti tal-Belt u ta’ Ħal Qormi flimkien mal-Pulizija tal-Community Policing, l-imputat instab jgħix il-Marsa u sussegwentament huwa ġie arrestat.
Id-difiża ffurmata mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb ma kkontestatx l-arrest u ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.