Walid Ben Muftah, Libjan ta’ 25 sena tressaq il-Qorti akkużat li daħal jisraq f’dar fis-Swieqi fis-satra tal-lejl.
L-akkużat li ħadem bħala kaħħal u jpoġġi l-madum ġie akkużat li seraq tlett t’iċrieket tad-deheb, żewġ t’imsielet u laptop fost l-oħrajn.
Il-prosekuzzjoni spjegat li familja kienet fil-kwiet ġo darha meta semgħet xi ħsejjes u rnexxilha trażżan lill-akkużat u żammitu sakemm ġew il-pulizija.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda anki fid-dawl li m’għandux indirizz fis, inżamm arrestat.