Libjan li m’għandux residenza fissa f’Malta, ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija u li wettaq ħsara volontarja fuq vettura tas-servizz.
L-akkużat, li deher fil-Qorti b’punti ma wiċċu u idu u demm mal-qalziet, wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jean Paul Attard spjegat kif il-każ beda meta l-Pulizija waslilhom rapport li ħdejn il-Fortizza f’Tas-Sliema kien hemm argument bejn raġel u mara u li r-raġel kien aggressiv.
Meta il-Pulizija marru fuq il-post, raw lill-akkużat fuq il-bajja waħdu fi stat xurban u dawn talbuh għad-dokumenti. Kien hawn li t-ton tal-aggressur inbidel u xħin daħluh fil-karozza tal-Pulizija beda jsabbat rasu mal-perspex u jsabbat saqajh bis-saħħa mal-bieba.
Il-Prosekuzzjoni spejgat li fil-karozza l-imputat baqa’ jitkellem ħażin u b’mod oxxen u jgħajjar lill-Pulizija.
Fl-awla ġie spjegat ukoll kif il-Libjan kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza minħabba l-ġrieħi li sofra.
Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid kif meta l-imputat ittieħed fil-lockup tal-Pulizija għall-interrogazzjoni, filwaqt li kkopera bis-sħiħ, huwa qal li ma kellux rendikont ta’ x’ġara u ma ġarax minħabba l-istat li kien fih. Kien hawn li skuża ruħu ta’ dak li ġara u spjega li għandu problemi personali u qed jispiċċa jdur għax-xorb.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Charmaine Cherrett qalet li l-imputat, li għandu fedina penali netta u impjieg fiss, lest li jagħmel tajjeb għall-ħsara li wettaq fil-karozza tal-Pulizija.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella ħadet inkonsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tal-imputat u ordnatlu jħallas €400 f’danni għall-ħsara li għamel.
Hija poġġiet lil-Libjan taħt ordni ta’ superviżjoni minħabba l-problema tax-xorb.