Libjan ta’ 29 sena li jgħix il-Għargħur weġġa’ gravi wara argument ma’ Malti ta’ 34 sena mill-Gżira.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ dalgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, hekk kif kien hemm persuna midruba fuq il-bankina.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li fuq il-post sabet il-Libjan ferut, fejn issejjaħ tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li qabel seħħ argument fi Triq Sir Patrick Stuart, il-Gżira.
Waqt l-argument il-Libjan sofra xi ġrieħi, meta allegatament il-persuna l-oħra ħebbet għalih bi flixkun tal-ħġieġ.
Il-vittma pprova jaħrab minn fuq il-post, iżda ir-raġel l-ieħor rikeb f’karozza u segwieh sa Triq ix-Xatt, fejn allegatament saq fid-direzzjoni tal-Libjan, laqtu u ħarab minn fuq il-post.
Minnufih bdiet tfittxija għall-allegat aggressur, bil-vettura li allegatament kienet involuta nstabet abbandunata fl-istess akwati, waqt li l-allegat aggressur instab ftit tal-ħin wara u ġie arrestat.
Huwa qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.