Fis-sigħat li ġejjin il-Pulizija mistennija tressaq il-qorti żewġ Libjani u tixlihom bil-qtil ta’ Libjan ieħor fil-Ħamrun. Il-vittma Mahmoud Elmejdi, żagħżugħ ta’ sitta u għoxrin sena tilef ħajtu l-Ħamis għall-ħabta tas-7.30 p.m. kawża tax-xebgħa li qala’.
L-arrest seħħ wara li ġie elevat filmat fil-madwar meħud minn kameras tas-sigurtà fejn minn hemm bdiet it-tfittxija għall-aggressuri.
Il-każ seħħ it-Tnejn li għadda f’appartament fi Triq il-Kapillan Mifsud fil-Ħamrun fejn allegatament tliet irġiel daħlu fl-appartament tal-vittma, tawh xebgħa kbira b’oġġett iebes u ħarbu minn fuq il-post. Il-vittma li nstab għall-ħabta tad-8.45 a.m. b’xi demm ħiereġ minn ħalqu, kellu wkoll xi ġrieħi li jidhru li saru permezz ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu li l-Libjan kien jinsab f’qagħda kritika ħafna. Fil-fatt Elmejdi nstab b’daqqiet f’rasu u f’partijiet oħrajn ta’ ġismu u jidher li ġarrab ukoll ħsara kbira fil-pulmun.
L-istess sorsi spjegaw li tnejn mill-aggressuri ġew arrestati l-Erbgħa filgħaxija wara sigħat twal ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija. Huma jinsabu arrestati fil-lock up tal-pulizija fil-Floriana fejn ġew interrogati fit-tul dwar dan id-delitt.
Il-Pulizija għadha trid tistabbilixxi l-motiv wara.