Libjan ta’ 31 sena residenti San Pawl il-Baħar ġie arrestat wara li nstab fil-pussess tiegħu ammont ta’ droga.
Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tat-tmienja u nofs, il-Pulizija rċeviet rapport anonimu dwar raġel li allegatament kien qiegħed jittraffika d-droga fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar.
Immedjatament l-uffiċjali marru fuq il-post u nnutaw persuna taqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat, li kif lemaħ il-vettura tal-Pulizija, deher aġittat u prova jitlaq minn fuq il-post.
Għaldaqstant, ir-raġel ġie arrestat u ttieħed l-għassa fejn waqt it-tfittixija li saret fuqu, instabu diversi qratas b’sustanza suspettata kokaina, kannabis u MDMA, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet u saret tfittixija fir-residenza tar-raġel.
F’waħda mill-kmamar, moħbijin f’sett tat-televiżjoni nstabu erba’ mowbajls.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Dr Antione Agius Bonnici li ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.