Libjan li kien se jaqbad titjira għal Istanbul qed jinżamm arrestat wara li Uffiċjali tad-Dwana fl-Ajruport qabduh b’ €127,506 flus kontanti mhux iddikkjarati. Dawn instabu f’kompartament moħbi fil-bagalja tal-passiġġier wara li l-Uffiċjali ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus tad-Dwana wasslilhom suspett dwaru u talbu biex jiġi nvestigat.
€10,000 flus kontanti ġew irrotornati lura lill-passiġġier, hekk kif dan huwa l-ammont stipulat bil-liġi li wieħed jista’ jġorr fuqu mingħajr ma jiddikkjarahom.
Fi starrija, id-Dwana Maltija qalet li din kienet it-tieni l-akbar qabda ta’ flus mhux iddikkjarati din is-sena. B’hekk, l-2019 se tibqa’ mfakkara bħala sena rekord għad-Dwana fil-qabdiet ta’ flus kontanti mhux iddikkjarati.
Jiem ilu passiġġer mill-Ukrajna li kien se jaqbad titjira għal Istanbul ukoll twaqqaf mill-Uffiċjali tad-Dwana għaliex kellu fuqu €10,559 mhux iddikkjarati. Wara li ntlaħaq ftehim barra l-Qorti, il-passiġġier aċċetta li jkunu kkonfiskati €559, biex b’hekk ikun qed iġorr fuqu biss l-ammont ta’ flus kontanti permessibbli bil-liġi Maltija.