Raġel ta’ 42 sena minn Ħal Tarxien ġie mixli li ħebb u weġġa’ lil martu wara li attendew għal tieġ fir-Rabat matul il-jum tas-Sibt.
Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex jiġi protett tifel ta’ disa’ snin tal-koppja.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Barra minn hekk, ir-raġel akkuża lil martu li gidmitlu idu waqt l-argument li kellhom.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest u talba għall-libertà proviżorja filwaqt li talbet biex l-akkużat ikun eżaminat għal feriti li seta’ ġarrab.
Missier l-akkużat li kien preżenti fl-awla offra sabiex waqt li l-akkużat ikun fuq ordni tal-libertà proviżorja, jgħix miegħu.
Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal-libertà proviżorja.
Il-Qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.