Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Martin Farrugia, ta’ 45 sena mir-Rabat, u Henriette Cassar, ta’ 49 sena, li jinsabu akkużati li ffrodaw bi €62 miljun f’VAT.
L-allegat frodi u ħasil ta’ flus imorru lura għal bejn l-2012 u l-2019.
L-akkużati t-tnejn wieġbu li mhux ħatja għal dawn l-akkużi.
Farrugia ngħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €60,000, bil-kundizzjoni li jiffirma kuljum f’għassa, fost l-oħrajn.
L-akkużata l-oħra, Cassar ingħatat il-ħelsien mill-arrest sitt ġimgħat ilu b’depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €50,000.
F’seduti preċedenti l-Qorti semgħet kif il-Pulizija sabet diskrepanzi bejn il-VAT iddikjarat. Mill-investigazzjoni rriżulta li kien hemm €27 miljun f’bejgħ mhux iddikjarat minn kumpanija u €2.8 miljun minn kumpanija oħra.
Dan filwaqt li nstema’ li Farrugia kellu numru ta’ annimali eżotiċi fir-Rabat u s-Siġġiewi filwaqt li l-Pulizija kkonfiskat numru ta’ karozzi lussużi fosthom Ferrari u żewġ Lamborghini.
Il-każ se jkompli jinstema’ f’Lulju.