Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli nediet l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità għas-snin, elfejn u wieħed u għoxrin sal-elfejn u tletin.
Bit-tema “Libertà Li Tgħix”, din l-istrateġija għandha l-għan li tipprovdi direzzjoni għas-settur Malti tad-diżabilità għas-snin li ġejjin.
Imsejsa fuq tlettax-il objettiv u tlieta u sittin azzjoni, din l-istrateġija tnediet wara proċess ta’ konsultazzjoni li fih instemgħu l-opinjonijiet ta’ dawk kollha involuti fis-settur, fosthom persuni b’diżabilità nfushom u qrabathom.
Kull azzjoni għandha żmien stipulat sa meta trid tkun implimentata.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Matthew Vella qal li din l-istrateġija se tkompli tiffaċilita l-aċċessibilità u tissimplifika l-proċessi għall-persuni b’diżabilità.
“F’din l-istrateġija ser inkunu qegħdin naraw li verament, il-persuni b’diżabilità jkunu fiċ-ċentru, kemm huma kif ukoll il-qraba tagħhom. Qed nagħmlu dan għaliex vera nemmnu li l-persuni b’diżabilità jixirqilhom kwalità ta’ ħajja tajba” qal Vella.
Fost is-setturi li qed jingħataw importanza f’din l-istrateġija hemm dawk tas-saħħa, l-edukazzjoni u x-xogħol.
Matthew Vella tenna li “ser inkunu qegħdin naraw biex ikun hemm aktar taħriġ lill-istakeholders differenti fosthom il-professjonisti biex meta jkunu qed jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jifhmu aktar il-kundizzjoni tagħhom biex is-servizz mogħti jkun issimplifikat u jkun servizz li qed jilħaq il-bżonnijiet tagħhom.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli spjegat li dan id-dokument mhux biss jirrappreżenta l-kumpass soċjali ta’ dan il-pajjiż imma jagħti direzzjoni ċara ta’ x’għandhom ikunu l-pedamenti li kull ċittadin għandu jibni fuqhom.
Qalet ukoll li l-istrateġija tpoġġi responsabilità fuq kulħadd, għaliex biex tirnexxi hemm bżonn il-ħidma ta’ kull individwu, kull familja u kull post tax-xogħol.
“Din hija wegħda oħra elettorali li l-Gvern qiegħed iwettaq u qed nibagħtu messaġġ b’saħħtu ta’ nazzjon magħqud li għandu quddiemu tlettax-il objettiv u tlieta u sittin azzjoni. Inħarsu ’l quddiem li f’dawn id-disa’ snin li ġejjin, dawn l-azzjonijiet kollha jkunu implimentati” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.