Tnediet għall-konsultazzjoni pubblika, l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta bl-isem ta’ Libertà Li Ngħix, li tittratta d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità f’pajjiżna għad-disa’ snin li ġejjin. L-istrateġija, li kien ħabbarha l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa tal-Kabinett fil-binja tal-Inspire ix-xahar li għadda, għandha tlettax il-objettiv u 62 pjan t’azzjoni.
Fost l-oħrajn l-miri jinkludu r-Riformi u l-Ugwaljanza, Aċċessibilità, Parteċipazzjoni fil-Kultura, Divertiment u Rikreazzjoni, Relazzjonijiet, Familji, Sesswalità u li tkun Ġenitur, Kura tas-Saħħa, Xogħol u Impjiegi, Ħajja Indipendenti u Parteċipazzjoni fil-Ħajja Politika u Pubblika.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies, il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità ta’ Ħajja Julia Farrugia qalet li din il-konsultazzjoni se twassal ukoll għas-sena 2030, liema sena ġiet identifikata għall-kisba tal-Għanjiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.
Qalet, “Din hija strateġija ħafna għax hija dokument li se tpoġġi lil Malta in line mal-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda li Malta impenjat ruħha li aħna nkunu konformi magħhom . B’mod tanġġibli qed naraw 62 azzjoni li permezz tagħhom Malta se tkun aktar inklussiva meta finalment dan id-dokument jiġi attwat.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella qal li issa kulħadd irid ixammar il-kmiem biex fid-disa’ snin li ġejjin naraw il-frott ta’ din l-istrateġija.
Spjega, “Strateġija li ttik entużjamu kbir għaliex verament qed inpoġġu l-persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom fiċ-ċentru. Mhux biss fuq il-karta imma vera b’azzjonijiet differenti. Ser naraw li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa bejn Ministeri differenti fuq temi bħall-aċċessibilità, l-edukazzjoni u s-saħħa, Din il-ħdima ġa bdiet imma issa permezz tal-istrateġija għandna vizjoni ta’ fejn u kif se naslu.”
Il-monitoraġġ ta’ dawn l-isforzi ta’ implimentazzjoni se jkunu fir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
L-entitajiet interessati u l-membri tal-pubbliku huma mistiedna jieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-istrateġija li ser tkun miftuħa bejn sas-sebgħa ta’ Lulju li ġej.