Fi stqarrija l-Forum Żgħażagħ Laburisti qalet li l-FZL hija kkonċernata b’ diversi kummenti li qed jiċċirkolaw fuq il-mezzi tal-midja soċjali, osservazzjonijiet li qed jagħtu x’ jifhem li l-abbozz ta’ liġi ġdida tal-midja ser iwassal sabiex ikun hawn iżjed ċensura.
L-FŻL qal li mhux minnhu li kull min għandu blog jew paġna fuq il-midja soċjali ser ikun irid jirreġistra l-blog tiegħu. Ta’ min ngħidu wkoll li l-ġurnalisti li jiktbu f’sit li ma jkunx reġistrat mhux ser ikunu żvantaġġjati għaliex il-liġi Maltija diġa tipproteġihom fejn tidħol il-protezzjoni tas-sors.
F’Malta l-ġurnalisti waqt proċeduri ġudizjarji diġa’ jridu jipprovaw il-fatti mingħajr ma jikxfu s-sors tagħhom, għaldaqstant l-iskuża li ma tistax iġġib provi biex ma tikxifx is-sors hija eċċezzjoni li qatt ma kienet aċċettata mill-qrati tagħna. F’dan ir-rispett m’hu ser jinbidel xejn, sostniet il-Forum.
L-istqarrija tgħid li l-eżistenza tar-reġistru m’hijiex xi ħaġa ġdida għaliex diġa jeżisti reġistru li jkopri fih lista tal-edituri tal-gazzetti. Kull ma ser ikun qed isir b’din il-liġi hu li bħalma l-edituri tal-gazzetti jkunu imniżżla ġo reġistru pubbliku, hekk ukoll ser ikunu mniżżla ġo reġistru pubbliku l-edituri ta’ siti ta’ aħbarijiet maltin.
Temmiet tgħid li l-abbozz ta’ liġi propost ser ikun qiegħed ineħħi kemm il-libell kriminali, kif ukoll il-mandat kawtelatorju. Abbażi ta’ dan il-FZL hija konvinta li din il-liġi ser tkun qed isaħħaħ il-libertà tal-espressjoni.