Inħelsu mill-akkużi żewġt’irġiel akkużati bl-omiċidju involontarju ta’ mara ta’ 25-il sena minn Ħaż-Żabbar li mietet waqt li kienet qed tgħodos f’attività b’risq il-karità.
Iż-żewġ irġiel huma Joseph Formosa, għaddas kwalifikat, u Ivo Caruana, għalliem tal-għadds b’27 sena esperjenza, affiljat ma’ Atlam u liċenzjat mal-Hyperbairc Unit f’Mater Dei. Dawn organizzaw il-ħdax-il edizzjoni ta’ avveniment ta’ ġbir ta’ fondi, li għaliha Tamara Psaila kienet attendiet bħala volontiera.
Il-Qorti semgħat kif f’Lulju 2009, għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu, Psaila u l-għarus tagħha imlew kwestjonarju u għamlu eżami mediku biex jiżguraw li kienu kapaċi jagħmlu l-isfida. Dawn kienu prekawzjonijiet li ttieħdu minkejja li l-baħar fejn saret l-attività ma kienx fond ħafna.
Qabel marru fl-ilma, il-parteċipanti kollha ingħataw informazzjoni dwar l-użu ta’ l-għodda tal-għadds, u qalulhom x’jagħmlu f’każ ta’ emerġenza. Kienet emfasizzata l-importanza tad-dixxiplina taħt l-ilma u li kellhom jibqgħu tnejn tnejn filwaqt li jżommu distanza tajba minn xulxin sabiex ikun jistgħu jimmanuvraw b’mod sigur taħt l-ilma.
Il-Kaptan Reuben Lanfranco spjega li l-vittma aktarx ħasset paniku meta veġetazzjoni ta’ taħt il-baħar messet ma’ ġisimha. Fil-paniku biex tilħaq il-wiċċ, u ristretta kif kienet biċ-ċilindru tal-arja u ċintorin taċ-ċomb, Tamara Psaila jidher li neħħiet l-apparat minn ma’ ħalqha u niżżlet il-maskla – aġir li wassal għal mewtha. Il-Kaptan qal li ma kien hemm xejn ħażin fl-apparat tagħha.
Joseph Formosa, wieħed mill-akkużati, qal li meta mar biex jgħin lill-vittma, peress li qajjem l-allarm l-għarus tagħha, kien hemm sħaba ta’ ramel iġġenerat mit-tfajla stess, fl-istat ta’ paniku li kienet fih. Dan kollu ġara f’temp ta’ tliet minuti. L-espert forensiku Mario Scerri spjega li l-vittma aktar kienet diżorjentata, anke minħabba problemi ta’ viżibiltà fl-ilma.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ikkonkludiet li m’hemmx regolamenti ċari dwar avvenimenti bħal dawn, u ż-żewġ akkużati segwew il-protocol tal-għadds.