Żewġt irġiel li tressqu l-qorti mixlija b’każijiet ta’ serq ġew illiberati minn kull akkuża wara li l-qorti sabet li ġew investigati mill-pulizija mingħajr ma ngħataw id-dritt li jkollhom l-avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni.
Id-difiża tagħhom kienet immexxija mill-Avukat u d-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici li meta kien Ministru għall-ġustizzja u l-intern ħadem biex dan id-dritt ma jidħolx fis-sistema legali ta’ pajjiżna.
Il-kaz seħħ 15-il sena ilu meta ż-żewġt irġiel ġew mixlija li serqu karozza tal-għamla BMW.
Iż-żewġt irġiel, Daniel Lanzon u Joseph Zaffarese kienu nstabu ħatja mill-ewwel qorti wara li inkriminaw lilhom infushom fl-interrogazzjoni li saritilhom mill-pulizija.
Iżda fis-sentenza tagħha l-qorti tal-appell kriminali sabet li nkiser id-dritt tagħhom meta ma ngħatawx id-dritt li jkollhom l-avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni.
Mingħajr ma rat il-filmati tas-sigurtà, il-marki tas-swaba’, id-DNA u x-xhieda, il-qorti iddeċidiet li s-suspettati ma jistgħux jinstabu ħatja ta’ dan ir-reat.
Carm Mifsud Bonnici serva Ministru tal-ġustizzja mill-elfejn u tlieta sal-elfejn u tnax u baqa’ jirreżisti sal-aħħar li jdaħħal dan id-dritt minkejja kritika lokali u internazzjonali.
Fil-fatt kien Gvern Laburista li daħħal liġi ġdida li permezz tagħhom il-persuni li jkunu qegħdin jiġu interrogati mill-pulizija beda jkollhom id-dritt tal-avukat li beda jieħu seħen b’mod effettiv fl-interrogazzjoni.