Il-Ministru Konrad Mizzi se jressaq libell kontra t-Times of Malta wara li ppublikaw dik li sejħilha gidba sfaċċata oħra. Fi stqarrija l-Ministru qal li mhux minnu li ssottometta ineżattezzi dwar proprjetà fil-kwestjonarju sottomess minn Nexia bħala parti minn eżerċizzju ta’ due diligence. Mizzi qal li se jippreżenta evidenza li tmeri dawn l-allegazzjonijiet fil-Qorti.
Qal li dawn l-attakki saru sistematiċi u fakkar li fil-passat, l-istess Times of Malta kellhom jirtiraw allegazzjonijiet simili.
Tenna li Rotorua Trust kienet imwaqqfa purament sabiex jiġu indirizzati t-trusts u l-investimenti ta’ familtu. Kompla jgħid li l-istorja tal-llum hija attentat ieħor biex ikomplu jinħolqu l-istejjer fejn m’hemmx lok għalihom. Sorsi u siti differenti, qal Mizzi, se jkomplu ħerġin bi stejjer żbaljati u mhux veritiera, dwar commissions li ma jeżistux, flejjes mill-Ażerbajġan, miljuni li suppost kienu gwadanjati qabel daħal fil-politika, profitt mill-proġett tal-gass, u commissions mix-Shanghai Electric Power. Dan fost ħafna stejjer oħra.
Din l-istrateġija, qal Mizzi, turi l-ħeġġa ta’ ċertu nies, fosthom il-Partit Nazzjonalista, li jassassinaw karattri u jipprovaw ixejnu ħidmet il-Gvern. Dan jidher li hu l-unika mod li fadlilhom biex jitfgħu dell ikrah fuq ir-riżultati li qed jikseb il-Gvern.