Teddy Vassallo, li jiġi z-ziju tal-Ministru Konrad Mizzi, fetaħ libell fil-konfront tal-Mument b’rabta ma’ artiklu miktub minn Joe Mikallef li deher il-Ħadd li għadda. Fl-artiklu Joe Mikallef kiteb li l-Gvern qabbad kumpanija, li tagħha huwa Direttur Vassallo, biex jiġu trasportati l-ankri għat-tank tal-LNG.
Il-libell infetaħ kontra l-Editur Roderick Agius u l-‘ġurnalist’ Joe Mikallef, li t-tnejn jaħdmu mal-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Dan l-artiklu huwa bbażat fuq dak li l-gvern diġa wera li hi ħrafa oħra li għamel il-Kap tal-Opożizzjoni Simon Busuttil.
Fir-rapport li deher fuq il-Mument intqal li 8 ankri li jiżnu 40 tunnellata, waslu Malta u li se jkunu qed jintużaw fil-proġett ta’ Delimara. Mikallef qal li waħda minn dawn il-kumpaniji li qed tissuplixxi u tinstalla dawn l-ankri kienet MedSea Shipping Agent.
Jidher li -investigazzjoni tal-ġurnalist “investigattiv” tal-PN Joe Mikallef, kienet għal darb oħra skoretta hekk kif il-Gvern stqarr li l-proġett ta’ Delimara huwa proġett li qed isir mis-settur privat u l-Gvern bl-ebda mod m’għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ xi kuntratti mill-konsorzju privat lil terzi.
Mill-informazzjoni li għandu l-Gvern, il-Konsorzju Electrogas ikkjarifika illi kien hu li qabbad lill-kumpanija Vryhof biex tiddisinja, tissupplixxi u tinstalla s-sistemi tal-ankri għall-Floating Storage Unit.
Il-Gvern spjega li l-kumpanija Vryhof qabbdet kuntrattur ieħor, Ocean Installer, biex jissupplixxi l-ktajjen tal-mooring. Il-kumpanija Ocean Installer qabbdet kumpanija Ċiniża biex tissupplixxi partijiet mill-materjal tal-ktajjen tal-mooring.
Il-produttur Ċiniż qabbad kumpanija tax-shipping internazzjonali biex dan il-materjal jiġi trasportat. Il-kumpanija tax-shipping għandha aġent Malta.