Liam Stewart ta’ 23 sena minn Tal-Pietà nżamm arrestat wara li tressaq separatament il-Qorti l-Ħamis wara li fil-pussess tiegħu nstabet parti mill-kannabis li nsterqet mill-barracks tal-AFM.
Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Alfredo Mangion, spjegat li, b’rabta mal-investigazzjoni rigward is-serqa tad-droga nhar il-25 ta’ Frar, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li l-imputat kien qed iżomm parti mid-droga misruqa.
Hu ġie arrestat fi Triq il-Mile End, fil-Ħamrun, u fil-but tal-qalziet kellu żewġ boroż droga kannabis, waqt li fil-karozza nstabulu tlett iqratas kokaina. L-Ispettur kompla jgħid li Stewart ipprova jaħrab minn fuq il-post u kaġun t’hekk ikkawża diversi ħsarat fuq vann li kien biswit il-karozza tiegħu.
Kompla jispjega li meta l-Pulizija għamlet tfittxijiet fir-residenza tiegħu, sabu taħlita ta’ sustanzi, fosthom biċċiet tal-kannabis u trab abjad. Irriżulta wkoll li kellu żewġ blokok reżina tal-kannabis, bil-pakkett jaqbel ma’ dawk li nsterqu. F’kamra oħra fuq il-bejt instabu wkoll tliet blokok simili oħrajn.
Intqal li l-ammont tad-droga li nstabet kienet tammonta bejn ħames u sitt kilogrammi u ma’ dan instabu wkoll ammont ta’ flus kontanti li jabqeż it-tmint elef ewro.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, għax il-fedina penali tal-imputat hi waħda netta, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona.
Wara li semgħet is-sottomisjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li ħarġet ordni ta’ ffriżar u ssekwestrat l-assi u l-proprjetà kollha tal-imputat.
Sadanittant, l-Erbgħa filgħaxija, inżammu arrestati erba’ persuni oħrajn, li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi b’rabta mas-serqa.
Dawn huma Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 23 sena mill-Marsa, Youseff Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar u Cleaven Pace ta’ 19-il sena mill-Marsa.