Il-kantant Liam Gallagher stqarr li wara l-kunċert f’pajjiżna, il-ġimgħa d-dieħla, se jiltaqa’ ma’ ħuh, Noel, f’Londra għall-ikel.
Dan ħareġ wara li ftit tal-jiem ilu tħabbar li l-grupp mużikali Oasis, magħruf għall-kanzunetti “Wonderwall” u “Don’t Look Back in Anger” se jerġa’ jingħaqad wara 15-il sena. Dan meta s-sena d-dieħla, il-grupp li kien ferm popolari fid-disgħinijiet, se jagħmel numru ta’ kunċerti madwar l-Ewropa.
Fuq il-pjattaforma soċjali X, Liam Gallagher qal li hu kkonsulta ma’ ħuh Noel, sabiex itemmu din il-ġlieda bejn l-aħwa.
Liam Gallagher se jkun f’pajjiżna għall-kunċert fit-22 ta’ Settembru, fil-Park tal-Kunċerti f’Ta’ Qali.