Liam Debono, iż-żagħżugħ li jinsab mixli b’attentat ta’ qtil fuq uffiċjal tal-Pulizija, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li psikologu qal lill-Qorti li l-attitudni tiegħu sejra għall-aħjar.
Fl-2018, Liam Debono, meta kellu 17-il sena, ġie arrestat wara li allegatament għadda minn fuq l-eks Surġent tal-Pulizija Simon Schembri bil-karozza u kaxkru tul Triq Ħal Qormi.
Debono ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
Intant fl-2019, Liam Debono ġie kkundanat ħames snin ħabs u mmultat ħdax-il elf ewro wara li nqabad isuq karozza mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.
B’rabta mal-każ tal-hit and run, Debono fl-2021 fetaħ rikors kostituzzjonali li fih iddikjara li nkisirlu d-dritt tiegħu għal smigħ ġust u talab li jingħata danni morali.
Fir-rikors, id-difiża argumentat li ż-żagħżugħ kien soġġett għal attakk qawwi mill-midja li dwaru tkellmu kemm il-ġurnalisti u nies fuq il-midja soċjali. Però din it-talba ġiet miċuħuda.
Sadanittant, ftit żmien ilu, Liam ressaq talba oħra għall-ħelsien mill-arrest.
Fix-xhieda tiegħu l-psikologu qal li Liam għamel progress kbir u mmatura.
Debono jrid jiffirma l-għassa kuljum u jibqa’ f’daru bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu. Huwa ġie ordnat ukoll li ma jistax isuq.