Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Liam Debono, il-ġuvni ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat bl-attentat tal-qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri f’nofs Mejju li għadda.
Fid-digriet tagħha l-Qorti qalet li jekk Debono jingħata l-ħelsien mill-arrest dan ma jkollu l-ebda skruplu li jitlaq mill-pajjiż u li jinħeba.
Dan għall-fatt li l-fedina penali turi li hu ġie kkundanat għal bosta reati anke jekk minuri u anke minħabba li l-imputat qed jaffaċċja piena twila ta’ ħabs minħabba l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil.
Il-Maġistrat Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest anke minħabba li l-fatt li r-reat huwa disturbanti ħafna u għalhekk tħoss li għanda tipproteġi lis-soċjeta’ minn dan id-disturb li nħoloq fis-soċjeta mill-akkużat.
Intant fis-seduta tat-Tlieta filgħodu kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Debono .
Fost dawk li xehdu kien hemm l-Ispettur Malcolm Bondin stazzjonat fl-iskwadra ta’ kontra d-drogi li kkonferma; li meta Debono ġie arrestat f’każ seperat f’Ottubru li għadda, huwa kellu fil-pussess tiegħu droga kannabis flimkien ma’ żewġ crushers li jintużaw fl-abbuż ta’ droga.
Qal li Debono ammetta mal-pulizija li kien jieħu bejn tliet u erba grammi kannabis kuljum u kien ilu jabbuża mid-droga sa mill-eta’ ta’ disa’ snin.
L-Ispettur Bondin kompla jgħid kif iż-żagħżugħ qal mal-Pulizija li kienet ommu li kienet tagħtih id-droga sa minn eta’ żgħira sabiex ikun jista’ jorqod.
Fl-istess seduta xehed ukoll is-Surġent Joseph Buhagiar stazzjonat fit-taqsima tat-Traffiku, li arresta lil Debono f’każ seperat f’Marzu li għadda.
Is-Surġent Buhagiar irrakkonta kif kien waqqaf lil Debono f’Wied il-Għajn meta kien qed isuq rota mutur illegali bla pedali u brejkijiet.
Jidher li dakinhar Debono ma kienx obda l-ordnijiet tal-Pulizija u minflok qal lis-Surġent Buhagiar: “ARA MA TMISSNINX GĦAX NIFQGĦAK”. Immedjatament is-Surġent arresta lil Debono u beda joffendi lis-Surġent.
Fis-seduta l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Fabian Fleri, Pierguido Saliba u Chantelle Casha ressqet diversi xhieda oħra li rrakkontaw kif Debono saq bla liċenzja diversi drabi qabel il-każ tal-ħmistax ta’ Mejju li fih kważi ħalla lill-kuntistabbli Schembri mejjet fl-art.