Liam Debono ta’ 17-il sena minn Ħal Tarxien tqiegħed taħt probation għal tliet snin u mmultat ħamest elef ewro wara li wieġeb ħati li kien fil-pussess ta’ żewġ karozzi u mutur li nsterqu f’Mejju u Ġunju tas-sena li għaddiet. Huwa kellu wkoll il-liċenzja sospiża għal ħames snin.
Il-każ ġie deċiż dalgħodu wara li l-Qorti kompliet tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ dwar l-attentat ta’ qtil fuq il-Pulizija Simon Schembri f’nofs Mejju li għadda.
Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li l-każ li nstab ħati dwaru Debono, ma kienx se jimpinġi fuq il-każ dwar l-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Schembri.
Debono ta’ 17 il-sena skuża ruħu mal-vittmi involuti li minn naħa tagħhom ħafrulu u saħqu li m’għandhomx interess f’azzjoni kriminali kontrih.
Debono ammetta li żamm fil-pussess tiegħu affarijiet misruqin iżda li ma kellux kompliċità fis-serq. Il-Prosekuzzjoni qalet li Debono saq il-vetturi iżda mhux bi skop ta’ reat u kkollabora mal-pulizija.
L-Avukat Franco Debono li deher għall-akkużat saħaq li Debono jixtieq jibda paġna ġdida u talab għal piena li tgħin lill-imputat jirrijabiltà ruħu.
Dan hekk kif l-akkużat ammetta fl-aktar stadju bikri tal-proċeduri u kollabora bi sħiħ.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sab lil Debono ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u wara li qies bosta fatturi fosthom ammissjoni bikrija, il-fatt li l-vittmi ma riedux jieħdu passi kontrih u li huwa taħt l-età, ingħata probabtion ta’ tliet snin b’rapport kull sitt xhur lill-Maġistrat, multa ta’ €5,000 u sospensjoni tal-liċenzja għal ħames snin mill-lum.
Intant, aktar kmieni kompliet il-kompilazzjoni tax-xhieda fil-każ dwar l-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri mill-istess Liam Debono. Fis-seduta xehdu bosta pulizija minn sezzjonijiet differenti kif ukoll nies li huma involuti fil-każ.
Il-pulizija Ismhael Camilleri xehed li dakinhar tal-inċident, il-pulizija saqu wara l-akkużat li pprova jaħrab minn fuq il-post. Dan wara li saq lura b’veloċita kbira fejn kawża ta’ dan spiċċa ħabat mal-ħajt. Qal li wara li ċċirkondawh, Debono ħareġ mill-karozza u ħarab jiġri. Warajh xehed il-pulizija Jurgen Falzon mis-sezzjoni tal-RIU li spjega kif wara li ġie arrestat Deboni tniżżel fil-lock up u wara intbgħat fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana għalx kellu xi grief f’irkopptu u xi marki f’idejh kawża tal-manetti.
Is-seduta ġiet aġġornata għall-Erbgħa filgħodu fejn mistennija jixhdu l-aħħar żewġ xhieda li għad baqa’ jixhdu dan il-każ.