Għandi nkun attiv fil-volontarjat?
Forsi din hija domanda li nistaqsu lilna nfusna meta nkunu rridu nagħmlu differenza jew xi ħaġa siewja fil-komunità, iżda mhux dejjem naġixxu dwarha.
Mal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, indagajna ftit dwar il-valur li jista’ jagħtik il-volontarjat u kif jgħinek tkun ċittadin siewi u attiv.
Minn hawn ħareġ li anke meta wieħed jiġi biex ifittex impjieg ġdid, l-esperjenza f’xi għaqda volontarja tinżel tajjeb mal-imgħallma wkoll.
Qal kif, “Meta qed tieħu sehem fil-volontarjat, qed tieħu għalik innifsek l-esperjenza tal-għaqda li tkun isseħibt magħha, qed titgħallem taħdem bħala membru fi grupp, u qed tagħmel proġetti. Qed turi li ħadt inizjattiva, u għall-imgħallma hija importanti, għax int fittixt għalik innifsek biex tagħmel xi ħaġa iżjed.”
Bħala wens mill-effetti tal-COVID-19, il-gvern alloka aktar minn tliet miljun ewro biex isostni l-bżonnijiet ta’ dan is-settur.
Iżda, il-voluntiera jibqgħu l-akbar pilastru tal-qasam.
Spjega, “Il-voluntiera hemm il-bżonn tagħhom fl-oqsma kollha, anke dawk li forsi naħsbu li waqfu. Hemm ħeġġa biex ikun hemm preparazzjonijiet biex jekk jistgħu jsiru xi attvitajiet virtwali jsiru. Dan nemmen li anke psikoloġikament għan-nies hemm barra, li jaraw tip ta’ attività tkun ta’ għajnuna li ċertu affarijiet jinħassu li qed isiru.”
Is-settur tal-volontarjat imiss kull aspett tas-soċjetà, mill-arti għall-kultura, sal-isport jew aspetti aktar soċjali.
Iżda jekk qed titħajjar tagħti sehem f’xi għaqda, u ma tafx minn fejn se tibda, is-Sur Pace Parascandolo jispjega x’għandek tagħmel.
Qal kif, “Bniedem jista’ jikkomunika magħna, u jgħidilna ma’ liema settur jixtieq jaħdem. Lil dawn inlaqqgħuhom flimkien biex ikunu jistgħu jibdew jimpenjaw ruħhom. Dan is-servizz nagħtuh il-ħin kollu biex inħeġġu l-persuni jsiru voluntiera u nsibuhom ukoll lil min jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom.”