Li tikseb għalik fil-karriera, ma jeħodulek ħadd.
Hekk qaltilna Marietta Lanzon, omm ta’ żewġt itfal u nanna ta’ sitta li rabbiet familja u daħlet tistudja l-Università fl-età ta’ erbgħin sena.
Ma’ Marietta ltqajna f’Jum il-Mara, meta mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela żaritha d-dar u magħha ħadet belgħa tè u tkellmet dwar diversi aspetti biex mara tirnexxi u ssib bilanċ bejn il-karriera u l-familja.
L-anzjana qaltilna li wara li rabbiet liż-żewġ uliedha, tħajret toħroġ tistudja u llum il-ġurnata għandha Masters.
Qalet, “Jiena meta għalaqt l-erbgħin sena, iddeċidejt li nidħol l-Università. L-ewwel għamilt Diploma in Women Development, illum tissejjaħ Gender Studies u fuq parir ta’ ħabiba tiegħi, dħalt nagħmel il-kors tal-probation u minn hemmhekk dħalt naħdem. Għamilt tmintax-il sena naħdem bħala uffiċjal tal-probation u spiċċajt bħala senior parole officer.”
Bi kburija qaltilna aktar dwar dak li kien jinvolvi x-xogħol tagħha, li ħafna drabi jkun assoċjat mas-sess maskili.
Qalet, “Aħna konna nsegwu lin-nies li jkollhom problema mal-ġustizzja fil-komunità. Minflok ma l-ġudikant kien jitfa’ l-persuna l-ħabs, kienu jagħmlu lilna anġli kustodji ngħinuhom.”
L-anzjana hija kburija ħafna b’dak li rnexxielha tikseb bis-sapport ta’ żewġha, wara li rabbiet lil uliedha u għamlet karriera għaliha nnifisha, iżda issa ddeċidiet li tirtira biex tgawdi aktar lin-neputijiet.
Qalet, “Bdew ġejjin it-tfal tat-tfal, it-tfal bdew jaħdmu, iżżewġu, għandi waħda spiżjara u ż-żgħira avukat, jien għenthom biex jistudjaw u issa rrid ngħinhom fejn jidħlu t-tfal.”
Marietta kellha dan l-appell għan-nisa kollha, speċjalment dawk li qatt ma ħarġu jaħdmu u jaqtgħu qalbhom minħabba l-familja.
Qalet, “Jiena t’erbgħin dħalt u biex għamiltha jiena, jagħmilha kulħadd. Illum għandek l-MCAST, l-ITS, l-Università, anki biex tagħmel upgrade tal-qagħda tiegħek tkun qed taħdem ukoll importanti li tkompli miexja fl-istudju. Dak ma jeħodulek ħadd.”