Fi tnax-il siegħa, fl-istess jum, tliet aċċidenti separati ħallew tliet persuni mejtin.
Dan wassal għal appell imqanqal minn wieħed miż-żewġ tobba tal-Emerġenza li għandna f’pajjiżna, Dr Michael Spiteri, li nzerta kien hu xogħol f’dan il-jum u assista fit-tliet aċċidenti, li sfortunatament, irriżultaw kollha fatali.
L-għada li seħħew dawn l-aċċidenti fatali, tkellimna mal-istess Tabib dwar dan il-jum traġiku fit-toroq ta’ pajjiżna.
“Din, safejn niftakru aħna, kienet l-ewwel darba, almenu fl-istorja riċenti, li kellna tliet aċċidenti separati li wasslu għal tliet fatalitajiet prattikament fi spazju ta’ tnax-il siegħa. U xi ħaġa bħal din ikollha effett mhux tajjeb, kemm fuq il-pazjenti u l-qraba tagħhom, imma anke fuq in-nies li jkunu involuti direttament, timijiet, għax dan ma tkunx persuna waħda, timijiet kbar li jkunu involuti f’dawn it-tip ta’ rescue missions.”
Lil hinn mit-traġedji u l-ħajjiet mitlufa, Dr Spiteri rrimarka kif hemm l-effetti fuq il-ħaddiema li jirrispondu fuq dawn l-aċċidenti.
Effetti mhux biss minħabba sfidi fiżiċi, għax fil-każi tat-Tlieta kellhom jaħdmu għal sigħat twal f’temperaturi għoljin, iżda anke psikoloġiċi.
“Għandek pazjenti li huma ħżiena, li taf li l-injuries tagħhom, xi kultant, għalkemm aħna nipprovaw nagħmlu dak kollu possibbli, fil-qiegħ ta’ qalbek tkun taf li ċ-ċans li dak il-persuna tgħix hu żgħir ħafna. Tipprova tagħti dan kollu, imbagħad, sfortunatament bħalma rajna lbieraħ, jista’ jkollok ċirkostanzi fejn inti, minkejja l-isforzi tat-timijiet kollha mill-entitajiet kollha li għandna fil-pajjiż biex il-persuna ssalva, xorta jirriżulta li ma tkunx f’pożizzjoni li dan jista’ jseħħ.”
Bħala Tabib tal-Emerġenza, iżda wkoll ċittadin Malti, Dr Spiteri nnota li bħala pajjiż, neħtieġu aktar għarfien u kultura dwar is-sigurtà fit-toroq.
“Kulħadd, bija nkluż, dejjem nistaqsi ħaddieħor x’jista’ jagħmel biex din il-kultura tiżdied u nkunu aktar siguri. Biss meta nħarsu lejn l-aċċidenti, fil-verità, inti rari jekk mhux kważi qatt, ma jkun riżultat ta’ ħaġa waħda, imma jkun riżultat ta’ ħafna affarijiet li, f’daqqa waħda, jiġu flimkien u jirriżultaw fi traġedja, u ħafna drabi, dik is-sekwenza tista’ tkissirha b’daqsxejn ħsieb li jista’ jwaqqaf proċess li jista’ jwassal għal traġedja sħiħa.”
It-Tabib tal-Emerġenza appella għar-rispett u l-empatija lejn il-persuni involuti f’aċċidenti, b’mod partikolari, fejn jidħlu kummenti fuq il-midja soċjali.
“Bħala poplu rridu nirrispettaw dejjem kemm lill-persuni involuti fl-aċċident, anke jekk hi vittma, ġieli tara anke nies qed jieħdu vidjows ta’ nies li huma korruti b’ċertu mod, one ma jkunx tajjeb għalik psikoloġikament u two naħseb ir-rispett tagħna lejn il-vittma anke jekk, sfortunatament, dik il-persuna tkun ħallietna, minħabba xi ħaġa li tkun prattikament riżultat ta’ tort ta’ dik il-persuna, dejjem irridu niftakru li tibqa’ d-dinjità lejn il-persuna li ħallietna u anke n-nies li ħalliet warajha.”
Fil-fatt, it-Tabib temm l-intervista magħna billi qal li, anke jekk vittma ta’ aċċident, kellha ammont ta’ tort f’dak li ġara, il-qraba ta’ dik il-persuna xorta jkunu tilfu lil xi ħadd li jħobbu.
Għaldaqstant, kummenti fuq il-midja soċjali ma jagħmlu l-ebda ġid lill-persuni li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż.