“X’ħin smajtu jgħajjat fuq it-telefown, għid lil Michael jiġi Wied il-Għajn, qiesek dak il-ħin lanqas tinduna x’inhu jiġri.” … “Spiċċajna nistennew l-Emerġenza u ħadna l-aħbar li t-tifla ħallietna.”
MICHAEL FALZON
Din hi l-karba ta’ missier u omm imweġġgħin wara li tilfu lil binthom din is-sena.
Mirabelle Falzon, tfajla ta’ 22 sena deskritta b’qalb tajba u dħulija, mietet wara li waqa’ xi ġebel fuqha, waqt li kienet il-baħar nhar id-19 ta’ Lulju li għadda.
Pjaga li, għall-familja Falzon, ma tista’ tagħlaq qatt.
“Id-dinja taqa’ fuqek. L-anqas hemm kliem.”
MICHAEL FALZON
“Li tidfen lil bintek qabel l-omm u l-missier kiefra wisq.”
CHARMAINE FALZON
Il-firda dejjem kerha. L-omm irrakkontat mal-mikrofonu ta’ ONE News kif kienu jqattgħu il-ħin liberu flimkien – jixtru, imorru jieklu, jgħumu – kif probabbilment tixtieq tagħmel kull omm ma’ bintha.
“Kienet ħabiba tiegħi tant konna ninħabbu.”
CHARMAINE FALZON
Minkejja li Mirabelle m’għadhiex magħna, il-ġenituri tagħha ħadu d-deċiżjoni li tiġi kkremata u, b’hekk, xorta waħda baqgħet fid-dar li trabbiet u għexet fiha.
Ommha tirrakkonta kif hi xorta waħda għadha tkellem lil bintha.
“Xorta ngħidilha. Pulita Mir? Xorta rrid qisni mmur ħdejha u ngħidilha kif qed inħossni jien. Inberikha u ngħidilha berikni.”
“Hekk għadni. Jekk nidħol fil-kamra tal-banju rrid noqgħod nitkellem, qisha għadha hemm. Nibki u nitkellem magħha.”
CHARMAINE FALZON
L-omm tirrakkonta kif, mindu mietet Mirabelle, id-dar tant ġiet vojta, li sejħitilha ċimiterju. Baħħ kullimkien.
“Għadni qas tlajt fil-kamra tagħha, qed inħossha iebsa.”
CHARMAINE FALZON
Minkejja li l-Milied hu deskritt minn ħafna bħala żmien sabiħ, għall-familja Falzon din id-darba se jservi biss biex jerġa’ jdewwaqhom l-imrar tal-firda.
Eku ta’ memorji, li issa jistgħu biss jiftakru fihom.
“Il-festi tal-Milied huma koroh ħafna. Filli torganizza r-rigali, tagħmilhom taħt is-siġra u tara x’se nixtru u filli tispiċċa mingħajr tifla lanqas taf x’laqtek.”
“Li ma tistax taraha, li ma tistax tmissha, li ma tistax tkellimha. Iebsa wisq.”
CHARMAINE FALZON
Minkejja dan, l-omm tisħaq li t-triq t’Alla ħadd ma jifhimha.
“Lill-Bambin ngħidlu t-triq tiegħek ħadd ma jifhimha, inti biss. Int tajthieli u int ħadthielna.”
CHARMAINE FALZON
Bid-dmugħ f’għajnejha, hi tgħid li hi dejjem titlob għaliha, bħalma hi ċerta li tagħmel bintha minn fejn qegħda.
“J’Alla fejn qegħda titlob għalina, bħalma nitolbu aħna għaliha.”
CHARMAINE FALZON