Iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħelsien mid-Dipendenzi preżenta numru ta’ rakkomandazzjonijiet fejn jidħol l-użu ta’ droga u s-sewqan. Dan wara li f’Malta għadda l-Att dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija), li ppermetta li jkunu trattati b’mod differenti każijiet fejn wieħed jinsab fil-pussess ta’ droga fi kwantitajiet żgħar, għall użu personali. Dawn il-każijiet issa qed ikunu trattati b’mod li joffri riabilitazzjoni u mhux li jitfa’ lil min jinqabad il-ħabs.
Iċ-ċentru, li jagħmel parti mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, studja l-impatt tal-użu ta’ droga fi kwantitajiet żgħar u s-sewqan, u l-mod li pajjiżi oħra Ewropej iħarsu lejn din l-isfida. Imbagħad ħarġu numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Fosthom li Malta twettaq riċerka u tiġbor informazzjoni sabiex tifhem aħjar kemm qed ikun hawn sewqan taħt l-influwentza tad-droga, u kemm minn dawn qed jirriżultaw f’inċidenti tat-traffiku.
Informazzjoni dwar is-sewqan taħt l-influwenza tad-droga għandha tinżamm f’post wieħed ċentrali, bi skambju ta’ informazzjoni bejn l-istakeholders kollha. Ikun hemm distinzjoni ċara bejn ir-regoli tas-sewqan u leġiżlazzjoni li tirregola l-użu ta’ droga, biex ma jkunx hemm perċezzjoni li r-regoli dwar is-sewqan se jkunu aktar laxki. L-implimentazzjoni ta’ liġijiet ġodda tkun evalwata bir-reqqa, fejn jidħol l-impatt fuq is-sewqan.
Jirrakkomandaw screening fit-toroq permezz ta’ teknoloġija apposta u li jkun hemm taħriġ fost dawk kollha involuti fi tfittxija għad-droga fost sewwieqa.
Jgħidu li pajjiżna għandu jistudja dak li qed iwettqu pajjiżi oħra fejn jidħol is-sewqan taħt l-influwenza tad-droga u min jinqabad isuq taħt l-influwenza tad-droga għandu jingħata riabilitazzjoni xierqa u għandu jkun hemm assessjar mill-ġdid, kull tant żmien, biex jiġi verifikat li mhux qed isuq taħt l-influwenza.
Iċ-ċentru appella għal aktar edukazzjoni u miżuri preventivi, fosthom edukazzjoni dwar is-suġġett meta jsir it-taħriġ dwar is-sewqan. Dan għandu jsir flimkien ma sistema ta’ trasport pubbliku aktar effiċjenti.