Li ġenitur isawwat lil uliedu għal skopijiet dixxilpinarji, jaffettwaw is-saħħa mentali tat-tfal u għandha tkun projbita, qed jisħqu psikologi fl-iskejjel Ingliżi.
L-Assoċċjazzjoni tal-Psikologi fl-Edukazzjoni ressqet mozzjoni lil diversi Unjins fl-Ingilterra biex dan it-tip ta’ aġir jiġi meqjus bħala reat.
Dan it-tip ta’ aġir biex tiddixxipplina lit-tfal huwa projbit fl-iskejjel, iżda m’hemm xejn fil-liġi Ingliża li tipprevjeni lill-ġenituri milli jagħmlu dan, diment li jkun qed isir bl-iskop li l-ulied ikunu ddixxipplinati.
Iżda l-psikologi qed jgħidu li hemm modi aħjar ta’ kif wieħed jiddixxipplina lil uliedu.
“B’dan l-aġir qed ngħallmu lil uliedna li l-vjolenza fuq ħaddieħor hija aċċettabbli. 60 pajjiż iqisu dan bħala reat, u wasal iż-żmien biex anke fir-Renju Unit dan jitqies bħala reat f’kull ambjent, inkluż djar privati”, saħaq il-psikologu John Drewicz.
Il-psikologi żiedu jgħidu li mhux qed jippruvaw jiddettaw lill-ġenituri kif għandhom jiddixxipplinaw lil uliedhom, iżda qed jinsistu li fl-2018, li sawwat lil uliedek f’mument ta’ rabja huwa inaċċettabbli.