Aktar minn terz tal-postijiet tal-insib tal-passat m’għadhomx fl-użu, minħabba s-sistema rigoruża ta’ infurzar. Għalhekk dak li qalu organizazzjonijiet mhux governattivi huwa qarrieq.
Dan sostnieh s-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, b’referenza għal dak li qalu l-CABS u Birdlife Malta, ċioe li aktar minn terz tas-siti tal-insib din il-ħarifa mhumiex irreġistrati u huma illegali. L-NGOs (organizazzjonijiet mhux governattivi) qalu wkoll li l-bqija tas-siti permessi mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) jiksru r-regolamenti għall-ħarsien tal-habitat.
Is-Segretarjat qal li huwa minnu li nstabu siti fejn l-insib huwa illegali, u l-awtoritjiet rilevanti kienu informati sabiex issir investigazzjoni. Wara li saret spezzjoni fis-siti msemmija mill-NGOs, instab li dawn il-postijiet vera kienu jintużaw qabel l-2014, imma issa ilhom ma jintużaw snin. Ħaġa li l-NGOs ma semmietx fir-rapporti tagħha.
Postijiet oħra indikati mill-CABS u l-Birdlife kienu kompletament żbaljati. Fosthom bagħtu lill-awtoritajiet f’nofs ta’ triq, ġewwa faċilità tal-Enemalta u f’kamra mhux użata. Is-Segretarjat qal li l-ammont ta’ postijiet indikati mill-NGOs li kellhom sinjali ta’ użu riċenti tgħoddhom fuq idejk. Dawn jinsabu taħt sorveljanza biex l-awtoritajiet jidentifikaw x’inhu jiġri.
Sal-bidu ta’ Diċembru, fi tliet każijiet biss is-siti indikati minn Birdlife u CABS instab li kienu attivi meta mhux suppost – u fuq dawn ittieħdet azzjoni.
Is-Segretarjat temm jgħid li jsiru eluf ta’ spezzjonijiet rutina.