Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, ħeġġeġ biex ikun żgurat li l-akbar appoġġ possibbli għall-pjan ta’ paċi tal-Ukrajna, jingħata fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti.
Dan waqt laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin li saru fi Brussel fejn il-Ministru Borg iggarantixxa l-appoġġ kontinwu ta’ Malta lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha hekk kif dawn jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddefendu pajjiżhom skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
“Hawnhekk wassalt il-messaġġ li għalkemm Malta hija newtrali, tieħu l-aspett attiv tan-newtralità allura l-importantza li kulħadd jirrispetta t-trattati u l-liġijiet internazzjonali u l-importanza li l-appoġġ ukoll ikun fuq livell internazzjonali allura n-Nazzjonijiet Maqgħuda.”
Hekk kif din il-laqgħa ħadet rendikont tal-iżviluppi li saru f’din l-ewwel sena li timmarka l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna ġie nnutat kif f’din l-istess ġimgħa Malta se tkun qed tippresjedi dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzonijiet Uniti fl-24 ta’ Frar.
Il-Ministru Borg enfasizza l-importanza li jiġu deskritti l-passi li ġejjin previsti fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u fora multilaterali oħra.
“Hemmhekk ser inkunu qegħdin nagħmlu l-pożizzjoni tagħna ċara mill-ġdid u nibgħatu messaġġ b’saħħtu li din il-gwerra jeħtieġ tieqaf u l-Ukrajna jeħtieġ li jkollu lura f’idejha t-territorju kollu sovran tagħha.”
Waqt l-ikla, il-ministri Ewropej iltaqgħu mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Moldova Nicu Popescu. Dan l-iskambju kien opportunità sabiex jinstemgħu l-perspettivi tal-Moldova dwar l-effett laterali tal-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
Il-Ministru Borg ipparteċipa wkoll f’laqgħa informali mal-attivist tal-oppożizzjoni Russa Garry Kasparov, ospitata mil-Litwanja u l-Polonja fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin. Il-laqgħa tat opportunità għall-attivist tal-oppożizzjoni Russa biex jinforma lill-Ministri Ewropej dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fir-Russja.
Ritratt: MFET (Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg flimkien mar-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-Unjoni Ewropea Josep Borell waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin)