“Kull ewro li ninvestu fl-infermier, huwa investiment li qed isir mas-soċjeta’ kollha”. Hekk qalet Josianne Cutajar, il-kandidata għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, f’laqgħa li kellha mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN).
Cutajar qalet li tħossha kburija li tifforma parti mill-Gvern li wara diversi snin ta’ stennija wasal għal ftehim settorjali. Fi kliemha l-ftehim li ntlaħaq lejn tmiem is-sena li għaddiet juri kemm il-Gvern mhux biss huwa interessat li jinvesti fl-aħjar teknoloġija għall-isptarijiet tagħna, imma jrid ukoll jiżgura li l-persuni li jagħtu s-servizz lill-pazjenti jkunu mogħnija bl-aħjar ħiliet u għarfien.
Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Gvern f’dan is-settur huwa li jsaħħaħ ir-riżors uman li għadu jsofri minn deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu snin ilu. “Xogħolna huwa li nsaħħu l-infermiera fin-numru u fil-kwalita’, sostniet Josianne Cutajar filwaqt li fakkret li biex niggarantixxu servizz mediku ma jaqta xejn hemm infermiera li b’għażla qed jaħdmu ferm aktar minn 40 siegħa.
F’dan ir-rigward dalwaqt jibda jħalli l-frott il-ftehim li sar mal-Universita’ ta’ Northumbria mir-Renju Unit, li qed toffri korsijiet addizzjonali għal dawk li diġa’ toffri l-Universita’ ta’ Malta lil studenti interessati fil-professjoni ta’ infermier.
Josianne Cutajar faħħret l-isforzi tal-MUMN, biex ikun hemm iżjed korsijiet inkluż minn dawk offruti fl-istitut edukattiv miftuħ bi sħubija mal-Universita’ ta’ Malta, li jiġu akkreditati hekk kif dan iservi ta’ inċentiv aqwa għall-infermier li jkun motivat li jkompli jwessa’ l-għarfien tiegħu.
Fuq livell akkademiku l-MUMN li tirrappreżenta madwar 4,000 ħaddiem fl-isptarijiet u anke djar tal-anzjani, ħolqot qafas li se jgħin biex tiżdied ir-riċerka lokali biex din isservi ta’ bażi għal deċiżjonijiet importanti fil-futur.
Cutajar enfasizzat il-ħtieġa li nżidu l-isforzi biex is-saħħa mentali ssir prijorita’ nazzjonali bl-akbar problema f’dan il-kuntest tkun l-istigma li għadha teżisti. Hija kellha kliem ta’ tifħir għall-ħidma tal-MUMN, li fost servizzi oħra tipprovdi servizz ta’ psikologu lill-membri tagħha hekk kif ix-xogħol tagħhom fl-aktar mumenti sensittivi għal ħafna nies, huwa ferm delikat. Ir-rinnovar fl-isptar Monte Karmeli flimkien mal-bini ta’ sptar ġdid li se jinbena qrib Mater Dei mistennija li jħallu impatt pożittiv fuq is-servizz ħolistiku pprovdut lill-pazjenti li jsofru b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
Fi tmiem il-laqgħa il-kandidata f’isem il-Partit Laburista rringrazzjat lill-membri tal-MUMN u l-ħaddiema kollha fl-entitajiet li jipprovdu kura medika hekk kif fi kliemha dawn il-professjonisti huma fiċ-ċentru tas-servizz mediku li niftaħru bih bħala pajjiż.