Is-setturi tal-ekonomija l-blu jlaħħqu mal-15% tal-ekonomija Maltija u jiġġeneraw mas-27,000 impjieg – 83% tal-valur ekonomiku blu f’Malta hu ġġenerat mit-turiżmu kostali, qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
F’diskors waqt ir-raba’ edizzjoni tas-Summit dwar is-Sostennibilità fix-Xlokk tal-Ewropa u fil-Mediterran, organizzat minn The Economist f’Ateni, il-Ministru qal li Malta, pajjiż imdawwar bil-baħar, tħaddan l-importanza u l-potenzjal tal-benefiċċji li ġġib magħha ekonomija blu sostennibli. Il-Ministru Farrugia kien mistieden sabiex jindirizza s-sessjoni tas-summit dwar l-innovazjoni u l-opportunitajiet għan-negozji fis-setturi tal-ekonomija l-blu.
“Hu f’dan il-kuntest li bħala pajjiż identifikajna u klassifikajna 30% tal-ibħra tagħna bħala żoni marini protetti, filwaqt li saħħaħna l-qafas regolatorju u l-kapaċità tal-infurzar tagħna fuq is-setturi tal-akwakultura u s-sajd fost l-oħrajn, permezz ta’ tekonoloġiji moderni għall-moniteraġġ fuq il-baħar”, spjega l-ministru.
Il-ministru saħaq li Malta għandha industrija tal-akwakultura b’saħħitha u li f’dawn l-aħħar snin, il-pajjiż irnexxielu jnaqqas il-ħsara ambjentali li kienet qiegħda ssir permezz ta’ djalogu kontinwu u kollaborazzjoni mal-operaturi u n-negozji fis-settur.
“Inizjattiva oħra fit-triq lejn ekonomija ċirkolari li se tnaqqas in-numru ta’ fliexken u laned li jispiċċaw fl-ibħra tagħna hi dik li tnediet fil-ġimgħat li għaddew – il-‘Beverage Container Refund Scheme’ – li se twassal biex aktar minn 80% tal-kontenituri tax-xorb fis-suq jinġabru lura permezz ta’ magni apposta li se jkunu mqassma mal-pajjiż kollu.”, qal il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru Farrugia spjega li l-pajjiżi li huma dipendenti fuq l-ekonomija l-blu qed jiżviluppaw mudelli ta’ negozju ġodda, jimirħu lejn is-sostennibilità u jibdlu l-mudell ekonomiku tagħhom minn wieħed linejari għal ekonomija ċirkolari. L-isfidi li qegħdin naffaċċjaw illum huma ċari: it-tniġġis, l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi, tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel għal popolazzjonijiet ikbar, u t-tibdil fil-klima b’estremitajiet ta’ temperaturi ġodda.
“Li ma nagħmlu xejn mhix għażla li għandna quddiemna. L-ibħra jipprovdulna nofs l-ossiġnu li għandna bżonn. Il-European Green Deal, il-miri għall-iżvillup sostennibli u l-miri biex nikkumbattu t-tibdil fil-klima jridu jwittulna t-triq lejn ġejjieni ħadrani”, temm jgħid il-Ministru Farrugia.