Is-skiet. Is-skiet m’hawnx isbaħ minnu. Is-skiet mhux is-silenzju u l-paċi li tkun trid biex tisrieħ wara xi ġurnata xogħol, iżda s-skiet mill-paroli. Il-Malti jgħid li kien il-kliem ġawhar, is-skiet isbaħ minnu. M’hawnx isbaħ minn kelma nieqsa milli kelma żejda.
lbieraħ fl-istess ġurnata li Simon Busuttil ħabbar fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista l-islogan li se juża fil-festi tal-Indipendenza, il-Partit ‘li jmexxi’, “Nirnexxu lkoll flimkien”, kienu bosta li kkumentaw u tbissmu. Il-paroli fuq Simon Busuttil ilu għaddej ġmielu. Ma tridx tkun iblaħ biex tinduna. B’mod personali nitkellem ma’ ħafna individwi li politikament ma jaħsbuhiex bħali. Xi kultant nistaqsi bejni u nnifsi kif dawn jiġu jgħidu lili minn tant nies? Wara pawża qasira, tinduna mill-ewwel li l-messaġġ ma jriduhx li jieqaf miegħi biss. U dan huwa dak li qed jiġri.
Sal-bieraħ kienu qed jitkellmu fil-beraħ nies li għalkemm kulħadd jaf qalbhom fejn tħabbat, m’għadhomx involuti b’mod daqshekk dirett, almenu fid-deher. Insemmi nies bħal Frank Portelli, Michael Falzon u naħseb l-iktar voċiferu Simon Mercieca. Ftit jiem ilu tkellem ukoll Ivan Bartolo li bħal dan iż-żmien sena tgħidx kemm faħħar lill-Kap tal-Oppożizzjoni waqt l-attivitajiet li l-PN tella’ fil-Belt u li wara daħlu parti minn grupp dwar finanzi, 11 – il xahar wara joħroġ jgħid li qata’ qalbu mill-politiċi, ovvjament b’botta diretta lejn Simon Busuttil.
Fl-istess ġurnata li Busuttil tkellem fuq kif il-Partit tiegħu se jkun qed jirnexxi flimkien, il-Ħadd 28 ta’ Awwissu 2016, ilbieraħ, il-gazzetta KullĦadd, permezz ta’ storja ta’ Aleander Balzan, tkellmet fuq il-qasma interna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, qasma li tista’ tgħid li hi ‘common knowledge’, iżda aktar interessanti kien hemm storja dwar Jes Saliba u Manuel Delia li ltaqgħu f’ħanut in-Naxxar biex jitkellmu dwar min se jkun is-suċċessur ta’ Busuttil, f’dan il-każ, kienu qed jiddiskutu lil Claudio Grech. U hawn iqum punt ieħor. Mhux ħa mmur lura ħafna għax ma niftakarx u jaf ikun hemm xi ħadd li jmerini. Imma mill-memorja li għandi jien, qabel Simon Busuttil ma niftakar l-ebda Mexxej ieħor ta’ Partit politiku f’Malta li wara biss it-tielet sena tiegħu, dawk ta’ madwaru jkunu ġa qed jiddiskutu min se jkun ta’ warajh, min se jkun minfloku. Din diġa’ bizzejjed biex tinduna bl-immoraġġija interna li hemm fi ħdan il-PN.
Minkejja dan kollu jidher bl-aktar mod ċar li l-ikbar żewġ hits ilbieraħ għamluhom Jason Azzopardi u Edwin Vassallo. Jekk dawk li semmejt qabel jidhru li mhumiex bil-mano in pasta, Edwin Vassallo u Jason Azzopardi għandhom idejhom imdaħħla sew fl-għaġina. Vassallo, bniedem ultra-konservattiv, parti mill-old guard tal-Partit Nazzjonalista, tkellem fuq l-egoiżmu u l-interessi fi ħdan il-PN. Vassallo qal li l-PN huwa każin fejn kulħadd għandu l-interess personali, iżied jgħid li ma jemminx li din is-sitwazzjoni se tkun irranġata. Min-naħa l-oħra Jason Azzopardi uża messaġġ ta’ xi ħaddieħor biex għadda messaġġ lill-Kap tiegħu. “Leaders who don’t listen will eventually be surrounded by people who have nothing to say”. Dan kien il-messaġġ ta’ Azzopardi lil Busuttil. Dan huwa l-istess bniedem li ftit xhur ilu għamlu flimkien messa in scena quddiem il-Qorti, il-messaġier prinċipali flimkien ma’ Beppe Fenech Adami għal attakki bla skrupli u negattivi għall-aħħar ta’ Busuttil.
Mill-banda l-oħra hemm min diġa’ ħareġ għonqu għal Simon, Peter Darmanin, l-eks-teżorier tal-PN, wieħed minnhom. Xhieda ta’ Partit maqsum.
Il-problema ta’ kollox huwa l-kliem pero mhux is-silenzju.Għaż-żewġ naħat. Bosta qed jaraw lil Simon Busuttil bħala l-bniedem li se jħalli l-affarijiet kif inhuma. Anzi li qed jeħodhom lura. Bniedem li sofra telfa fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet li fiha kellu parti prinċipali minkejja li jipprova jaħrab milli jammetti, u żewġ elezzjonijiet li segwew u li prattikament kellhom l-istess rizultat tal-elezzjoni ġenerali f’termini ta’ persentaġġi u voti. Lil Simon Busuttil qed jarawh negattiv wisq, li nieżel il-politika fl-inqas livelli, u li ma ppropona xejn suret in-nies. Jidher li dan kollu se jkun diskuss f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li biex ma tagħtix daqshekk fil-għajn qed jgħidu li matulha se jiddiskutu l-visas mediċi. Wieħed irid jistenna u jara x’se jiġri. Li hu zgur li għal Simon jekk il-kliem huwa ġawhar, is-skiet huwa isbaħ minnu.