Din hi x-xena li tara int u dieħel il-pjazza taż-Żejtun, però din hi minjatura, kopja eżatta li fiha madwar metru u nofs b’metru tal-Knisja Arċipretali ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixandra, magħrufa wkoll bħala l-Katidral tal-Lvant, li fl-1692 tqiegħdet l-ewwel ġebla tagħha u fl-1720 ġiet imbierka.
Dan il-kapolavur, b’disinn tal-Perit Lorenzo Gafà, ġie magħmul fiċ-ċokon bil-marine plywood u l-gwarniċi b’tal-aħmar minn Emmanuel Baldacchino, magħruf ma’ kulħadd bħala ‘l-Bambinu’.
Xogħol mirqum li dam għaddej bih madwar tmien xhur u rrikjeda finnezza u attenzjoni b’reqqa liema bħalha lejn dak oriġinali. Saħansitra wieħed jista’ jara l-faċċatta maestuża bil-kampnari fuq naħa kompluti bil-qniepen u bil-pinnuri fuq kull naħa. Ingħata kas għad-dettalji fil-bibien prinċipali bil-panewijiet bl-iskulturi wkoll.
Mit-twieqi tal-ġenb jidhru wkoll id-dwal tal-garigor tal-kampnari u isfel fiz-zokklatura jidhru wkoll it-twieqi li jagħtu għall-kannierja fejn Emmanuel ħa ħsieb li jagħmel ukoll il-qanpiena l-antika li nbidlet ftit tas-snin ilu. Meta tħares lejn il-koppla tilmaħ it-twieqi bil-kulur eżatt tal-oriġinali.
Baldacchino stqarr magħna li ħa ħsieb li jagħmel l-arloġġi tal-faċċata wkoll. Qalilna li għamel ukoll arloġġ fuq naħa minnhom tal-faċċata ma jaħdimx eżatt bħal dak tal-Knisja Arċipretali.
Qal, “Li għandna fuq din in-naħa, dawk jaħdmu, kif iżżomm l-arloġġ tiegħek, jaqbel miegħu. Imbagħad għandek it-tnejn l-oħra, dawk ma jaħdmux, dawk skont kif qaluli, huma tax-xitan. Biex dak li jkun, meta jħarsu lejn dawn l-arloġġi, itellef għall-quddies, fuq l-arloġġ li jkun tajjeb.”
Din il-wirja se tkun miftuħa s-Sibt li ġej mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem u l-Ħadd filgħodu sa nofsinhar, matul l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Żejt iż-Żejtun, proprju fi Triq Marsaxlokk, ftit ’il bogħod mill-pjazza prinċipali.
‘Il-Bambinu’ ħa ħsieb ukoll li jidħol fid-dettal ta’ wara tal-knisja fejn wieħed isib is-sagristija, waqt li inkluda wkoll it-tifkira tal-wisq maħbub maż-Żwieten, Monsinjur Lorenzo Degabriele, l-Arċipriet li serva lil din il-belt.
B’għajnejh jitkellmu, Baldacchino, filwaqt li stieden lil kulħadd jattendi biex jara din ir-replika, li fi kliemu qalilna li mhux ta’ min jitlifha, tlabnih jgħidilna kemm din l-opra tagħtu sodisfazzjon.
Stqarr, “Ħafna. Ħafna għal qalbi, ħafna. Li xtaqt għamiltu, u j’Alla jkolli s-saħħa, ħalli nieħu pjaċir jien u jieħu pjaċir ħaddieħor.”