Sigħat wara li sar magħruf l-iżball li seħħ fil-konkors tas-sbuħija ta’ Miss Malta, Nicole Agius, il-kontestanta li ġiet ikklassifikata fit-tieni post stqarret ma’ one.com.mt li l-uniku dispjaċir li għandha hu li l-ġenituri tagħha ma rawhiex tirbaħ it-titlu fuq il-palk il-Ġimgħa li għadda. Il-Ġimgħa li għadda, Nicole ma kinitx fost it-tliet kontestanti li ġew ikklassifikati fl-ewwel tliet postijiet.
Dan minħabba żball li seħħ fl-għoti tat-tieni premju.
Qalet li ma kienx sentiment sabiħ li ma tismax ismek fost ir-rebbieħa.
Nicole qalet li dak il-ħin ferħet lir-rebbieħa għax taf xi jfisser li tisma’ ismek fost ir-rebbieħa.
Qalet li kienet sorpriża meta waslitilha telefonata mingħand id-diretturi tal-konkors. Spjegat li meta marret għand in-Nutar saret taf bl-iżball li sar mhux fl-għadd tal-punti imma fil-karta li ngħatat lill-preżentaturi. Hija qalet li riedet tivverifika dan għax ma riditx tieħu t-titlu jekk ma kienx ħaqqha.
Nicole kompliet tgħid li tat permess lil Natalya Galdes, il-kontestanta li tħabbret bħala Miss Republic of Malta tintwera l-voti tagħha.
“Bkejt quddiem id-diretturi u rringrazzjajthom għax kellhom il-kuraġġ li jgħiduli. Li kieku ma kinux professjonali, kollox kien jibqa’ sigriet u qatt ma kont inkun naf il-verità”, qalet Nicole.
“L-uniku ħaġa li nħossni ddispjaċuta dwarha hija li ma smajtx ismi fuq il-palk u li l-ġenituri tiegħi ma rawnix nirbaħ it-titlu”, qalet Nicole.
Waqt li sostniet li l-organizzaturi setgħu ħadu ftit aktar ħin biex jgħoddu l-punti, qalet li mhux xi ħaġa sabiħa li tieħu t-titlu ta’ xi ħadd. Qalet li tħossha ddispjaċuta għal Miss Sliema u awguratilha kull suċċes fil-karriera tagħha.
Aqra wkoll:
http://www.one.com.mt/2020/03/02/tilfet-it-titlu-fmiss-malta-minhabba-zball/