Minn Lulju li ġej se jibda programm ta’ rkupru fit-tagħlim immirat għal dawk l-istudenti li matul din is-sena skolastika fallew xi jiem mill-iskola minħabba l-pandemija u jibqa’ għaddej sat-3 ta’ Settembru.
L-istudenti se jkunu jistgħu jattendu b’mod fiżiku f’numru ta’ skejjel kif ukoll b’mod virtwali erbat ijiem fil-ġimgħa mit-8:30 ta’ filgħodu sa 12:00pm.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi fl-iskola primarja ġdida tal-Qawra.
Il-Ministru Caruana qalet illi kien hemm numru ta’ assenteiżmu minn madwar 2,360 student li jattendu mill-ewwel sena tal-primarja tal-ħdax-il sena fis-sekondarja.
Infatti kien hemm 1,190 student tal-primarja, 402 studenti li jattendu skejjel medji u 768 student tas-sekondarja.
Il-lezzjonijiet għal studenti tal-primarja se jsiru f’Raħal Ġdid, Birkirkara, il-Qawra u r-Rabat Għawdex; filwaqt li studenti medji u sekondarji se jattendu għal-lezzjonijiet f’Santa Luċija, l-Imrieħel, il-Mosta u l-Iskola Sekondarja f’Għawdex. L-istudenti kollha jistgħu jattendu għal-lezzjonijiet b’mod virtwali wkoll.Il-Ministru Caruana qalet,“Fil-kuntest tal-pandemija wieħed irid jara kif ħa nirkupraw sigħat illi ntilfu mit-tagħlim tal-istudenti tagħna u ovvjament l-ewwel opportunità hija fis-sajf, allura dan il-programm li qed ngħidulu catch-up li ħa jkun immirat għal dawk it-tfal illi assentaw irwieħhom mill-iskejjel tagħna minħabba l-pandemija.”
Intant, iċ-Ċentru Prince Trust International Achieve Programme se jkun qed jaħseb f’taqsimijiet ta’ suġġetti fuq livelli differenti għal studenti li għandhom bżonn l-irkupru għal ċertifikat jew kwalifika f’livell wieħed, tnejn u tlieta.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi tenna li dan il-programm qed isir b’investiment fl-edukazzjoni mill-Fond Soċjali Ewropew.
Huwa stqarr: “Qegħdin ninvestu madwar kwart ta’ miljun ewro sabiex ikunu jistgħu jsiru lezzjonijiet addizzjonali ħalli nagħtu aktar l-opportunitajiet ta’ tagħlim sabiex tfal li forsi waqgħu lura, nagħtuhom fiż-żmien tas-sajf l-opportunità illi jagħmlu revision classes biex ikomplu jimxu fil-mixja tagħhom ‘il quddiem fl-edukazzjoni.”
Dan l-investiment qed isir b’mod addizzjonali mal-budget għal din is-sena, kif ukoll investiment ta’ €30 miljun oħra sabiex iddaħħlu l-miżuri kollha fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha bħala prevenzjoni waqt il-pandemija sabiex l-iskejjel setgħu jibqgħu miftuħin.